150 immigrant jiżbarkaw fl-Italja; Salvini investigat

Illum l-Italja ħalliet il-150 immigrant li kienu ilhom ħamest ijiem fuq il-vapur maqbud f’port Sqalli. Dan wassal sabiex iwaqqaf il-perjodu ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern Taljan u pajjiżi oħra Ewropej.

L-immigranti li huma fil-maġġoranza mill-Eritrea kien ilhom fil-port ta’ Katanja mit-Tnejn minħabba li l-Gvern irrifjuta li jħallihom jinżlu bil-vapur qabel ma’ pajjiżi oħra Ewropej jgħidu li se jkunu qed jieħdu xi ftit minnhom. Il-Ministru għall-Intern, Matteo Salvini qal li l-Albanija offriet li taċċetta 20 mill-immigranti u l-Irlanda se tieħu bejn 20 u 25. Il-bqija se teħodhom fi ħdanha l-Knisja Kattolika fl-Italja.

Salvini, li qed imexxi l-aġenda tal-Gvern Taljan kontra l-immigrazzjoni ħabbar li qed jiġi investigat minn prosekutur fi Sqallija fuq l-akkużi li abbuża mill-poteri tiegħu, ħtif ta’ persuni u arresti illegali. Hu sostna li hija tal-mistħija li qed jiġi investigat għax iddefenda d-drittijiet taċ-ċittadini Taljani.

Ilbieraħ, in-Nazzjonijiet Maqgħuda talbet sabiex il-pajjiżi jaslu għal qbil bejniethom wara laqgħa li saret ma’ rappreżentanti minn 10 pajjiżi Ewropej fi Brussell. Talbet lill-pajjiżi Ewropej sabiex joffru rilokazzjoni tal-immigranti b’mod urġenti skont il-ftehim li ħareġ mis-summit Ewropew ta’ Ġunju. Immedjatament l-Italja qalet li se tippermeti li l-persuni abbord il-vapur jitħallew jinżlu fi Sqallija.