150 ġuri mill-2003

Mill-2003, saru madwar 150 ġuri quddiem il-Qorti Kriminali.
Dan joħroġ minn ċifri mogħtija fil-Parlament mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Is-sena li għaddiet, kienet is-sena li fiha saru l-anqas ġurijiet – erbgħa. L-għola numru ta’ ġurijiet kienu rreġistrati fl-2011 bi 19-il każ. Fit-tieni post segwiet l-2007 b’18-il każ.
Bonnici fisser li permezz ta’ l-Att Nru. IV ta’ l-2014, ġiet introdotta l-proċedura li tippermetti lil persuna akkużata li tkun se tgħaddi ġuri biex tammetti ħtijieta u l-każ jiġi deċiż fi żmien qasir mill-Qorti Kriminali, mingħajr il-ħtieġa li tissokta l-kumpilazzjoni u mingħajr ma jsir il-ġuri. Huwa sostna li din il-proċedura tat il-frott tant li fis-sena 2015 biss, waqt li kien hemm 4 każijiet li għaddew ġuri, kien hemm madwar 18-il każ fejn l-akkużati għażlu li jibbenefikaw minn din il-proċedura minflok ma għaddew ġuri.