“15% tal-iżvilupp tat-tfal hu f’idejn l-għalliema” – Ministru Evarist Bartolo

Ġimgħa qabel mal-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom għall-bidu ta’ sena akkademika ġdida, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo sostna li l-edukazzjoni ma tiġrix fil-Parlament u fid-dibattiti li jkun hemm iżda fil-klassi bejn l-għalliema u t-tfal.

Meta kien qed jindirizza l-għalliema l-ġodda fl-iskola sekondarja tas-subien fil-Mosta, il-Ministru Bartolo saħaq li hu privileġġ kbir li tkun għalliem, iżda dan il-privileġġ ipoġġi fuqek diffikultajiet u dmirijiet kbar.

Dr Evarist Bartolo qal li fil-karriera ta’ għalliem hemm element qawwi ta’ vokazzjoni hekk kif, fi kliemu, għalliema imdejqa mhux ħa jagħtu esperjenza tajba lit-tfal. Bartolo kompla jgħid li kwalità importanti tal-għalliem hi l-imħabba hekk kif l-għalliema jridu jħobbu lit-tfal bid-diffikultajiet u d-diversità tagħhom.

Filwaqt li rringrazzja l-għalliema l-ġodda li għażlu din il-karriera, Dr Bartolo kkonkluda billi qal li 15% tal-iżvilupp tat-tfal hu f’idejn l-għalliema u għalhekk l-edukazzjoni trid tkun interessanti biex it-tfal jiksbu dak li għandhom bżonn fil-ħajja, mhux biss marki, iżda anke ħiliet oħra.