15% tal-istudenti ma jagħmlux eżami SECE

15% tal-istudenti li temmew il-Form 5 ma qagħdux għall-eżamijiet tal-SECE.
Dan joħroġ minn statistika ippubblikata fil-Parlament mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista George Pulliccino.
Bartolo qal li matul is-sena li għadha kemm tintemm, kien hemm 3,920 student li qagħdu għal eżami tal-SECE minn 4,575 student.
Bħala medja, in-numru ta’ studenti bniet li joqgħodu għall-eżamijiet tas-SECE kien 4% ogħola minn dak tas-subien. Fil-fatt kien hemm 1978 tfajla li qagħdet għal dawn l-eżamijiet minn 2,256 tfajla li temmet il-Form 5 jew madwar 88%. In-numru ta’ subien li qagħdu għal dawn l-istess eżamijiet kien ta’ 1,942 minn 2,319, jew medja ta’ madwar 84%.
Il-maġġoranza assoluta tal-istudenti li temmew il-Form 5 kienu qed jistudjaw fi skejjel tal-istat: 2,630. Ftit anqas minn 1,500 segwew l-istudji sekondarji tagħhom fi skejjel tal-Knisja waqt li dawk li għamlu dan fi skejjel indipendenti kienu madwar 470.