15-il siġra mħawla fil-Qrendi biex ifakkru 5 żgħażagħ li mietu f’inċident

Ritratti: MTCP

Tħawlu 15-il siġra taż-żebbuġ biex ifakkru l-memorja ta’ ħames żgħażagħ mill-Qrendi li 15-il sena ilu tilfu ħajjithom f’inċident tat-traffiku.

Fi stqarrija kien spjegat li l-proġett kien immexxi minn Parks Malta fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali Qrendi. Dawn is-siġar tħawlu bil-għan li jfakkru l-memorja ta’ Christian Camilleri, Fabio Magro, Osvaldo Vella, Marco Abdilla u David Sacco.

F’din l-okkażjoni, tlaqqgħu l-qraba ta’ dawn il-vittmi. L-inċident kien seħħ fl-1 ta’ Ottubru tal-2005 u huma kienu kollha taħt it-18-il sena. Tliet persuni oħra kienu ndarbu kawża tal-inċident.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru Julia Farrugia Portelli flimkien mal-istaff ta’ Parks Malta, l-Amministratur Parrokjali Dun Mario Said, is-Sindku tal-Qrendi David Schembri u l-kunsilliera tal-Kunsill Lokali Qrendi.