Filmat: 15-il proġett sottomess għall-proġett ‘Give Back Award’ ta’ Aġenzija Żgħażagħ

Ix-xogħol tal-ħaddiema maż-żgħażagħ hu versatili u jsir f’ambjenti differenti. Minħabba s-sitwazzjoni kurrenti tal-imxija tal-COVID-19, ħafna setturi u nies ġew affettwati b’diversi modi. Għal dan l-għan, Aġenzija Żgħażagħ nediet il-proġett Give Back Award biex tistieden liż-żgħażagħ, b’mod individwali jew fi gruppi, ħalli jissottomettu ideat ta’ proġetti li jippromwovu s-solidarjetà f’dan iż-żmien bla preċedent li ninsabu fih. Bħal dejjem, Aġenzija Żgħażagħ tagħti l-ispazju liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u din id-darba għarfet li l-potenzjal tagħhom għandu jiġi inidirizzat lejn il-komunità bl-għan li joħloq sens ta’ solidarjetà.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal, “Qed nilqa’ bis-sħiħ l-impenn, id-dedikazzjoni u x-xogħol iebes li qed jintwera minn Aġenzija Żgħażagħ biex dan kollu jseħħ bl-użu ta’ mezzi online. Dawn l-aħħar jiem intweriet professjonalità qawwija u impenn fi żminijiet ta’ sfida bħal dawn.”

Is-Segretarju Parlamentari Grima kkonkluda billi rringrazzja liż-żgħażagħ kollha għall-mod eżemplari li qed juru waqt l-isfida li qed iġġib magħha din is-sitwazzjoni. Esprima l-apprezzament tiegħu lill-istaff ta’ Aġenzija Żgħażagħ li tant qed jagħtu sapport biex isir dan kollu.

Ritratti: MEDE_PS

L-ideat sottomessi għal dan il-proġett kienu bosta, kollha kemm huma jħaddnu sens ta’ unifikazzjoni u ta’ empatija. Ħmistax-il proġett ġew sottomessi u kollha urew kemm iż-żgħażagħ għarfu, kif ukoll għandhom volontà biex jippruvaw itaffu ftit mill-konsegwenzi li din il-pandemija ġabet magħha. 

Kull idea qed tiġi mogħtija għajnuna finanzjarja u assistenza minn youth worker fi ħdan Aġenzija Żgħażagħ sabiex l-ideat isiru realtà. Fost dawn il-proġetti hemm dawk li jiġu implimentati online kif ukoll li jindirizzaw nies b’abbiltajiet differenti u anzjani li jgħixu f’residenzi komunitarji. Iż-żgħażagħ involuti ħolqu wkoll sens ta’ kuxjenza u kollha għandhom tama kbira li dawn l-ideat li huma qed jimplimentaw jibqgħu fis-seħħ anke wara li l-pandemija tiġi fi tmiemha. Ir-rebbieħ tal-Give Back Award hu l-proġett Sea of time, idea kemmxejn ġdida fix-xena Maltija. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li wieħed jagħti siegħa xogħol skont l-interessi tiegħu u meta jagħmel dan se jkun possibbli għalih li jirċievi siegħa xogħol lura skont il-bżonnijiet tiegħu minn nies li se jkunu reġistrati online u jkunu parti minn din l-inizjattiva fejn wieħed qed jagħti u jirċievi.