15-il persuna jinqabdu barra fi gruppi ta’ aktar minn 4

police-health-authorities-inspections-quarantine-coronavirus-25
Miguela Xuereb

Read in English.

15-il persuna ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt ir-rondi kontinwi li l-Pulizija u l-Uffiċjali tas-Saħħa Ambjentali qegħdin jagħmlu ta’ kuljum biex jaraw li ma jkunx hemm gruppi t’aktar minn erba’ persuni barra.

Dan tħabbar fil-bulettin b’aġġornamenti dwar il-coronavirus li joħroġ il-Gvern ta’ kuljum.

Jidher li n-numru ta’ persuni li qegħdin jiksru dan l-avviż legali qed jonqos, wara li lbieraħ inqabdu seba’ persuni barra fi gruppi t’aktar minn erbgħa. Il-jum ta’ qabel kienu ġew immultati 65 persuna għall-istess raġuni.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-liġi ġiet emendata peress li sal-Ħadd, kienu qed jitħallew gruppi ta’ tliet persuni biss. Minn nhar it-Tnejn ‘l hawn huma permessi gruppi ta’ erba’ persuni f’daqqa.

Apparti hekk, l-ebda persuna ma nqabdet tikser il-kwarantina obbligatorja fit-310 spezzjonijiet li saru fl-aħħar 24 siegħa.

L-awtoritajiet għadhom jappellaw lill-pubbliku biex ikun responsabbli u jsegwi d-direttivi li nħarġu.

Intant, illum tħabbru żewġ każijiet ġodda tal-coronavirus f’Malta u erba’ persuni oħra fiequ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn