15-il persuna fl-ITU minħabba l-Covid-19 – MUMN

Mater-Dei-ITU-coronavirus-1
Monique Agius

Read in English.

L-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN, qalet li l-għadd ta’ persuni li jinsabu fit-taqsima tal-kura intensiva tela’ għal 15 u dan huwa allarmanti u preokkupanti. Fi stqarrija, l-unjin qalet li trid tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku li din hija ħaġa serja hekk kif meta mqabbla mal-ġimgħa li għaddiet l-għadd ta’ pazjenti fl-ITU kien ta’ sitt pazjenti.

L-MUMN qalet li t-tmexxija tal-isptar Mater Dei żied l-infermiera fl-ITU minn dawk li jkunu fir-relieve pool. Spjegaw li minħabba f’hekk l-isptar m’għandux biżżejjed infermiera biex jiftħu żoni ġodda jekk aktar pazjenti jibqgħu jiddaħħlu l-isptar.

In-nuqqas ta’ infermiera qed ikollu effett ukoll f’diversi partijiet tal-isptar hekk kif l-MUMN qalet li t-tmexxija ta’ Mater Dei ma jistgħux ipoġġu aktar infermiera skjerati f’żoni bħall-kurituri jew swali li diġà naqqsu l-istaff u jeħtieġu assistenza u appoġġ ta’ aktar infermiera.

L-MUMN qed tappella kemm lid-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll għall-Pubbliku Ġenerali peress li jekk is-sitwazzjoni tkompli b’dan il-mod ikun hemm bżonn lockdown ieħor minħabba li l-isptar ma jkunx jiflaħ għal aktar pazjenti.