15-il persuna arrestati b’rabta ma’ ħasil ta’ flus

arrests

Read in English.

Wara diversi xhur ta’ investigazzjonijiet mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji wasslu biex ikunu arrestati 15-il persuna.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-arresti li saru nhar il-Ħadd 22 ta’ Novembru u t-Tlieta 24 ta’ Novembru minn diversi lokalitajiet madwar Malta.

Dawn l-arresti kienu rrappurtati fil-ġurnali fl-aħħar jiem fosthom li tressqu l-Qorti ħames persuni.

Waqt din il-ħidma, il-Pulizija elevat 36 vettura, €60,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludu fost oħrajn mobiles, kompjuters u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.

Kien spjegat kif il-ħames persuni li tressqu l-Qorti u li kienu akkużati b’ħasil ta’ flus u reati oħra, baqgħu jinżammu taħt arrest.

Ma’ dawn il-ħames persuni, tressqu l-Qorti wkoll 15-il kumpanija akkużati b’reati ta’ ħasil ta’ flus. Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi kemm tal-persuni naturali kif ukoll dawk legali. Dawn l-investigazzjonijiet qed jiġu koordinati ma’ msieħba barranin, inkluż il-Europol, kif ukoll entitajiet Amerikani, Taljani u Ingliżi.

Il-Qorti issa tneħħi d-divjett minn fuq isem żewġ eks futbolers

B’digriet mogħti llum, il-Qorti ordnat li jitneħħa d-divjett minn fuq isem żewġ persuni li tressqu l-Qorti b’akkużi fl-24 ta’ Novembru. Dawn huma l-eks futbolers Darren Debono u Jeffrey Chetcuti. Wara sigħat minn meta ġurnali lokali ppubblikaw dettalji dwar il-każ konċernat bl-ismijiet ta’ Debono u Chetcuti fl-24 ta’ Novembru, il-Qorti ħarġet divjett fuq isimhom fil-25 ta’ Novembru.

Jidher li digriet ieħor bidel id-deċiżjoni tal-bieraħ biex b’hekk id-divjett jitneħħa. Dan wara li llum tressaq rikors konġunt tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Fir-rikors kien spjegat li fl-24 ta’ Novembru, il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex il-proċeduri jsiru bil-magħluq u biex ikun hemm divjett fuq ismijiet tal-persuni imputati u r-reati li qed jiġu akkużati bihom. Dan fid-dawl li kien għad fadal xi arresti xi jsiru.

Kien spjegat li l-arresti li kienu kruċjali għall-investigazzjoni saru u lbieraħ tressqu xi nies oħra quddiem il-Qorti biex iwieġbu dwar ħasil tal-flus. B’hekk, il-prosekuzzjoni qalet li m’hemmx bżonn li jibqa’ japplika d-divjett fuq l-ismijiet.

Ir-rikors kien iffirmat Elaine Mercieca u Cinzia Azzopardi Alamango d’isem l-Avukat Ġenerali u mill-Ispetturi Joseph Xerri, Omar Caruana u James Turner f’isem il-prosekuzzjoni.

Id-digriet inħareġ mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.