15-il permess għal xelters għaż-żwiemel f’sentejn u nofs

F’din il-leġiżlatura, il-MEPA ħarġet 15-il permess għal żvilupp waqt li s-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali awtorizzat għaxar permessi għal tħaffir u xogħolijiet relatati ma’ stallazzjoni ta’ xelters għaż-żiemel.
Dan joħroġ minn tweġibiet mogħtija mill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi fi tweġibiet għall-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Mario Galea. Il-mistoqsijiet saru f’rabta mat-tħaffir għal xelter bħal dawn, ikkundannata minn xi għaqdiet ambjentali, li sar fi Ġnien Howard, fl-Imdina.
Karti mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti wrew li x-xogħolijiet fl-Imdina kienu awtorizzati mis-Sovritendenza bil-patt li x-xogħolijiet ikunu segwiti minn arkejologu u bl-intiż li jekk jinstabu fdalijiet arkejoloġi dawn mas-sirilhomx ħsara u tista’ tintalab bidla fil-pjanti.
Muscat wera li għaxra minn 15-il permess kienu jirrigwardjaw xelters għaż-żwiemel fil-Belt Valletta, li disgħa minnhom nħarġu fl-2013. Permessi oħra kienu għal xelters f’San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Imdina. Għajr għall-wieħed mill-permessi għal xelter fil-Belt, il-permessi kollha nħarġu bħala DNO.
Bonniċi spjega li disa’ mill-għaxar awtorizzazzjonijet maħruġa mis-Sovritendenza kienu għal trial pits esploratorji biss waqt li f’każ wieħed, dak ta’ Ġnien Howard fl-Imdina, kien awtorizzat DNO għal xelter u settling tank. Dan ix-xelter sar ħdejn bieb l-Imdina u sar mid-Dipartiment tar-Restawr għan-nom tal-Kunsill Lokali tal-Imdina. F’kull każ l-awtorizzazzjoni ngħatat bl-intiż li x-xogħolijiet ikunu segwiti minn arkejologu.