15-il parroċċa jgawdu minn €2.2 miljun f’fondi Ewropej

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ngħatat €2.2 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea li minnhom se jibbenefikaw 15-il paroċċa.
Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi qalet li l-flus se jintużaw għall-konservazzjoni, il-protezzjoni, u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali ekkleżjastiku. Fuq perjodu ta’ tliet snin se jibbenefikaw il-parroċċi u l-arkivji tal-Kurja tal-Arċisqof. L-applikazzjoni ġiet sottomessa mill-Fondazzjoni għall-Wirt Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta lill-Kumitat tas-Selezzjoni tal-Proġetti għall-Allokazzjoni tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea (UE).
Il-parroċċi li se jibbenefikaw huma ta’: Ħ’Attard, Balzan, Birkirkara (Santa Liena), Birkirkara (Santa Marija), Ħad-Dingli, Gharghur, Marsaxlokk, l-Imdina, Mġarr, Mellieħa, Mosta, Naxxar, Raħal Ġdid (Kristu Re), ir-Rabat, u Ħal-Tarxien.
Illum ġiet ippreżentata ittra mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-UE Aaron Farrugia liċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross.
Ritratt: ​Ritratt: DOI – Omar Camilleri