15-il omm ma jwasslux sal-isptar biex iwelldu

Kull sena, medja ta’ 15-il omm li tkun waslet biex twelled ma tilħaqx tasal sal-isptar.
Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt uffiċjal tal-Isptar Mater Dei, wara li din il-ġimgħa, mara welldet fuq bankina f’Tas-Sliema.
L-istess uffiċjal spjega li ġieli kien hemm każijiet ta’ ommijiet li spiċċaw welldu fil-parkeġġ tal-isptar u oħrajn li welldu fil-karozza fi triqithom lejn Mater Dei.
Oħrajn ikunu aktar iffortunati u jaslu eżatt fil-ħin. Newsbook.com.mt kien ippubblika storja ta’ koppja li ġew eskortati lejn l-isptar mill-Pulizija wara li kienu nqabdu fit-traffiku.
Nhar it-Tnejn li għadda, tim mediku wasal eżatt fil-ħin biex jgħin mara Pakistana li welldet ħabta u sabta f’Tas-Sliema.
Newsbook.com.mt kien tkellem ma’ residenta li t-twelid seħħ propju quddiem id-dar tagħha u kkonfermat li t-tarbija twieldet b’saħħitha.