15-il mod kif il-Gvern se jgħin lin-negozji Maltin u Għawdxin

Ritratt: Unsplash

Il-Gvern illejla ħabbar allokazzjoni ta’ €900 miljun għall-inċentivi għall-familji u negozji affettwati mill-pandemija tal-coronavirus. Dawn huma wħud mill-inċentivi li se jibbenefikaw minnhom in-negozji Maltin u Għawdxin u li tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri:

  • Il-Wage Supplement jew il-miżura tat-€800: Se tiġi estiża sal-aħħar ta’ Settembru. Fost l-oħrajn se jibbenefikaw minnha dawn l-oqsma: akkomodazzjoni turistika, aġenziji tal-ivvjaġġar, skejjel tal-lingwi, organizzazzjoni ta’ attivitajiet u trasport bl-ajru. Oqsma oħra li llum qegħdin bil-miżura tat-€800 se jinżlu għal €600. Oqsma oħra li kienu f’Annex A imma issa s-suq infetaħ bħall-hairdressers, issa se jinżlu għal Annex B.
  • Il-kont tad-dawl tal-komunità kummerċjali: Għax-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru l-Gvern se jkun qed iħallas 50% tal-ispiża tal-elettriku tan-negozji (li jaqgħu taħt l-Annexes) sa massimu ta’ €1,500 kull applikant. Spiża ta’ €30 miljun.
  • Il-kirjiet tan-negozji: Dawk li jaqgħu taħt l-Annexes, għax-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru, se jgawdu minn għotja sa massimu ta’ €2,500. Allokazzjoni ta’ €50 miljun.
  • Roħs ta’ 7 ċenteżmi fil-prezzijiet tal-fuel: Minn nhar it-Tnejn il-petrol jinżel għal €1.34 u d-diesel €1.21. It-tnaqqis se jkun mis-sisa.
  • It-taxxi u kontribuzzjonijiet oħra li jħallsu n-negozji estiżi sal-aħħar ta’ Awwissu. Barra minn hekk il-ħlas ta’ dawn it-taxxi jista’ jsir sa Mejju 2021 u l-ħlas jista’ jsir bin-nifs u mingħajr interessi.
  • Il-ħlas tal-liċenzji mad-Dipartiment tal-Kummerċ u l-Awtorità Maltija għat-Turżmu mhux se jsir għal din is-sena. Dawn jinkludu l-liċenzji tal-bejjiegħa tal-monti, bejjiegħa fit-toroq, gwidi tat-turisti, ristoranti u lukandi. Allokazzjoni ta’ €5 miljun.
  • Tax credits jinbidlu f’għotjiet:  30% tal-credit li għandhom in-negozji fl-iskema tal-Malta Enterprise se jingħataw f’għotjiet. In-negozji f’Malta se jieħdu lura ekwivalenti ta’ €2,000. Dawk f’Għawdex jieħdu massimu ta’ €2,500. Allokazzjoni ta’ €5 miljun.
  • Għan-negozji li jixtiequ jibdlu l-business model tagħhom: Kull kumpanija tibbenefika minn massimu ta’ €5,000. Din l-iskema se tkun imħaddma mill-Malta Enterprise b’allokazzjoni ta’ €2.5 milju.
  • Żieda finanzjarja fl-Iskills Development Scheme mħaddma mill-Malta Enterprise: Dan sabiex il-kumpaniji jkomplu jagħmlu inhouse training lill-ħaddiema tagħhom. Allokazzjoni ta’ €5 miljum.
  • Rifużjoni ta’ 33% tat-tariffi tal-portijiet għall-perjodu ta’ 6 xhur: Għall-vapuri ta’ merkanzija lejn Malta eskluż dawk involuti fi trans shipment.
  • Għajnuna sa massimu ta’ €10,000 għall-kumpaniji li jagħmlu promozzjoni diġitali tal-prodotti tagħhom fis-sweiq barranin. Din se titħaddem flimkien ma’ Trade Malta.
  • 80% ta’ refużjoni għan-negozji li kienu se jieħdu sehem f’fieri internazzjonali li tħassru.
  • Permezz tal-Bank tal-Iżvilupp permezz tal-Malta Enterprise se jiġu allokati €10 miljun għan-negozji li ma jitħallsux għall-prodotti esportati.
  • Għajnuna ta’ massimu ta’ €200,000 għall-kumpaniji fl-industrija tal-kostruzzjoni biex jimmodernizzaw il-makkinarju. Allokazzjoni ta’ €4 miljun.
  • Fond ta’ €5 miljun għan-negozji li jridu jirriklamaw il-prodott lokali kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Il-Gvern spjega li dawn l-inċentivi għandhom l-għan li jżommu n-negozju għaddej minħabba tnaqqis fid-domanda u li jħajru n-nies jerġgħu jikkunsmaw. Spjega wkoll li l-Gvern qed jiffinalizza l-pjan tiegħu biex fil-baġit li jmiss titħabbar il-Low Carbon Development Strategy.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn