15-il għaqda f’solidarjetà ma’ Ezabe wara li l-Qorti qatgħetha kontrieha

15-il għaqda differenti ffirmaw stqarrija konġunta li fiha jgħidu li huma inkwetati bl-ammissjoni tal-Qorti wara li lbieraħ ngħatat is-sentenza fil-każ tat-tfajla Maltija Musulmana, Sara Ezabe, fejn it-tfajla ħasset li l-akkużat kien stiga mibegħda razzjali fil-konfront tagħha.
Il-Qorti ħelset lil Brandon Bartolo minn kull akkuża li nġiebet kontrih wara l-kumment li ħalla fuq Facebook dwar Sara Ezabe.
L-għaqdiet esprimew rwieħhom imdejjqin ħafna bis-sentenza tal-Maġistrat li ġiet irrappurtata fil-mezzi tax-xandir u skont huma l-kummenti li għadda l-Maġistrat jittolleraw sentiment kontra l-immigranti minflok li jiġu assigurati l-valuri tad-drittijiet tal-bniedem il-Qrati huma maħsuba biex jippromwovu u jipproteġu.
Saħqu li dikjarazzjonijiet li b'mod ċar qed ikunu ostili kontra membri ta’ fidi partikolari, u jiksru d-dritt għal-libertà tar-reliġjon, m'għandhomx jiġu aċċettati bħala leġittimi f'soċjetà demokratika mibnija fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
Barra l-Fondazzjoni Aditus kien hemm 14-il għaqda oħra li ffirmaw din l-istqarrija. Dawn kienu The Critical Institute, Drachma LGBTI, Drachma Parents Group, Integra Foundation, International Association for Refugees, Jesuit Refugee Service (Malta), KOPIN, Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM), Migrant Women Association Malta, National Foster Care Association, Platform of Human Rights Organisations in Malta (PHROM), SOS Malta, Troup 18:45, Women’s Rights Foundation.