149 ħajja salvata mis-suwiċidju mis-supportline 179

Matul l-2019, 149 persuna ċemplu s-sapportline 179 u qalu li kienu se jwettqu suwiċidju. F’dawn il-każijiet persuni jingħataw l-għajnuna mill-ewwel. Il-persuna li tieħu t-telefonata tibqa’ titkellem mal-persuna u tipprova tikkonvinċiha ttiha l-post fejn tkun qiegħda. F’dawn il-każijiet tinbagħat ambulanza u l-pulizija fuq il-post biex jassistu l-persuna.

Il-persuna tittieħed Mater Dei fejn tiġi assessjata minn psikjatra li jiddeċiedi jekk il-persuna tkunx rikoverata fl-Isptar Monte Karmeli, fis-Psychiatric Unit ġewwa l-Isptar Monte Karmeli jew jibqgħu jiġu segwiti minn psikjatra Out Patient.

Fi stqarrija fil-Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju (WSPD), il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) qalet li s-Supportline ilu mwaqqaf 24 sena u f’dawn is-snin serva bħala l-ewwel għajnuna għal bosta persuni li kienu qegħdin jikkunsidraw li jtemmu ħajjithom minħabba li jħossu li l-problemi li għaddejjin minnhom huma akbar minn dak li jifilħu jġorru.

Svetlana Buttigieg ilha tmexxi s-servizz tas-Supportline fi ħdan il-Fondazzjoni għal dawn l-aħħar għaxar snin. Hija saħqet li kull ħajja mitlufa minħabba s-suwiċidju hija traġedja u għalhekk huwa importanti li wieħed jibqa’ b’għajnejh miftuħin sabiex josserva jekk dawk l-aktar viċin tagħhom humiex jirreaġixxu b’mod differenti.

Buttigieg spjegat xi punti li wieħed għandu josserva jekk xi ħadd viċin tiegħu jkunx qed jaħseb li jtemm ħajtu:

  • Sinjali li qersuni huma mdejqin u għaddejjin minn perjodu ikrah f’ħajjithom
  • Iħossuhom bla tama u tilfu l-kontroll ta’ ħajjithom
  • Ikun hemm bidla drastika fl-imġiba tal-persuna
  • Persuna tiżola ruħha mill-familja u l-ħbieb
  • meta persuna tgħid li ħajjitha saret bla skop u ma tibqa’ turi interess f’xejn inkluż ix-xoghol jew xi passatemp li ssoltu tieħu pjaċir tagħmel
  • Meta persuna tibda tieħu riskji għall ħajjitha u saħħitha eżempju twaqqaf xi mediċina li tkun qed tieħu jew ma tattendix għall-appuntamenti relatati mas-saħħa u tagħmel użu eċċessiv mid-droga u l-alkoħol.

Buttigieg appellat li jekk xi persuni jinnotaw lil xi ħadd qrib tagħhom ikun għaddej minn żmien diffiċli, isibu l-ħin biex ipoġġu bilqiegħda u jitkellmu miegħu. Jekk il-persuna ssemmi li ġieli jgħaddulha ħsibijiet li ttemm ħajjitha, għandha titfittex l-għajnuna minnufih. Huwa importanti ħafna li kumment bħal dan jittieħed bl-akbar serjetà u ma jitħalliex għaddej qisu ma kien xejn.

Buttigieg rrakkontat l-istorja ta’ tfalja ta’ 30 sena li kienet għadha kemm ittemm relazzjoni minn mas-sieħeb tagħha u kienet saret taf li qiegħda tistenna tarbija. It-tfajla ma kellhiex sapport mill-familja tagħha minħabba li kellha storja ta’ volenza domestika fil-familja u ommha kellha dippressjoni qawwija minħabba l-abbuż li kienet għaddejja minnu u missierha kellu porblema ta’ xorb u aggressività.

Meta t-tfajla ċemplet lis-Supportline kienet tinsab waħedha bil-karozza  f’xifer l-irdum u l-operatur tal-linja li kien ħa t-telefonata kien irnexxielu jikkonvinċi lit-tfajla tgħidlu fejn tinsab dak il-ħin. Bl-għajnuna tas-Supportline, intbagħtitilha l-għajnuna dak il-ħin fuq il-post u wara ġiet riferuta għal diversi servizzi u professjonisti bil-għan li tingħata l-appoġġ kollu neċessarju.

Din il-mara rnexxielha ssib kuraġġ biex tfittex l-għajnuna u eventwalment tkompli bil-ħajja tagħha u magħha għandha tifel mimli enerġija. Mhux biss imma għamlet suċċess ukoll fil-karriera tagħha.

Buttigieg qalet li bħal din it-tfajla bosta nies ta’ kull età li ċemplu fuq il linja 179 bil-ħsieb illi jtemmu ħajjithom. Żiedet li ħsibijiet mudlama ta’ suwiċidju jistgħu jiġu lil kulħadd, ma għandhomx etajiet, ġeneru, reliġjon, razza jew klassi soćjali. Saħqet li flimkien jista’ jinkiser it-tabù u wieħed ma jiddejjaqx jitkellem dawn il-ħsibijiet negattivi illi jista’ jesperjenza. Temmet tgħid li wieħed għandu jiftakar li l-għajnuna tinsab telefonata ‘l bogħod.

Il-psikjatra Mark Xuereb minn Crisis Resolution Malta qal li fi żmien il-pandemija, kien hemm aktar sejħiet ta’ kriżi iżda r-rata ta’ suwiċidju mhux biss ġiet ikkontrollata, iżda wkoll naqset.