1,450 parteċipant għal jumejn ta’ tlielaq f’Għawdex

Gozo Half Marathon

Il-Gozo Half Marathon irnexxielu jattira madwar 1,450 persuna għal jumejn ta’ attivitajiet marbutin mal-atletika inkluż il-ġiri u l-mixi din is-sena.

Il-Koordinatur tal-Marketing tal-Gozo Half Marathon Therese Galea qalet ma’ Newsbook.com.mt li għal darb’oħra t-tim wara din l-attività rnexxielu jżid in-numru ta’ parteċipanti. Aktar minn 300 minnhom ġejjin minn barra minn Malta apposta għat-tlielaq li qed isiru bejn illum u għada f’Għawdex.

Gozo Half Marathon

Galea spjegat li l-ewwel edizzjoni tal-Gozo Half Marathon ġiet organizzata minn qassis 44 sena ilu. Hu kien ġie ispirat mill-maratona ta’ Ruma. Illum il-ġurnata, ix-xogħol li jsir b’rabta mal-Gozo Half Marathon huwa kkoordinat minn tim ta’ 15-il voluntiera. Matul il-jumejn propja tal-attività, in-numru ta’ voluntiera jitla’ għal madwar 200.

L-attivitajiet tal-lum is-Sibt kienu jinvolvu fost l-oħrajn taħdidiet dwar l-atletika u esperjenza virtwali tar-rotta tal-tellieqa twila 10 kilometri. Għada se jkun hemm in-nofs maratona, ġirja ta’ 10 kilometri, u mixja ta’ 5 kilometri fost l-oħrajn.

Posted by Gozo Half Marathon on Saturday, April 27, 2019

Galea qalet li din is-sena, it-tellieqa tal-10 kilometri ġabet ċertifikazzjoni ta’ ħames stilel mill-Assoċjazzjoni tal-Atletika Ewropea u l-Malta Amatuer Athletic Assocation (MAAA).