1,445 persuna jidħlu Malta fuq 16-il dgħajsa

Photo: Archives

1,445 persuna daħlu Malta fuq 16-il dgħajsa matul l-2018. Aktar minn 80% ta’ dawn il-persuni ġew mill-kontinent Afrikan filwaqt li kważi 20% ġew mill-kontinent Ażjatiku. Din l-istatistika ħarġet mill-Uffiċċju tal-Istatistika (NSO) hekk kif illum qed tkun iċċelebrata l-Jum Dinji għar-Refuġjati.

Matul l-2018 l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati rċieva 2,131 applikazzjoni, kważi 16% iktar mis-sena ta’ qabel.

Il-maġġoranza ta’ l-applikazzjonijiet ta’ dawk li qed ifittxu ażil kienu minn persuni mill-pajjiżi tal-Afrika. 22.8% ta’ dawk li applikaw kienu ċittadini Sirjani filwaqt li 15% kienu Somali u 14.5% kienu ċittadini Libjani.

646 applikazzjoni minn 1,500 li applikaw għall-ażil kellhom risposta pożittiva mill-ewwel, il-bqija ġew riġettati.

Aktar min-nofs ta’ dawk li kellhom risposta pożittiva ngħataw xi forma ta’ protezzjoni li minnhom kważi 60% kienu mill-pajjiżi Afrikani.

Matul l-2018 kien hemm żieda ta’ 30.5% fuq is-sena ta’ qabel, li qed jgħixu fiċ-Ċentru Miftuħ bil-maġġoranza jgħixu fiċ-ċentru ta’ Ħal Far. 77% ta’ dawn il-persuni huma rġiel u 23% huma nisa.

Aktar minn 70 miljun persuna fittxew protezzjoni matul l-2018

Aktar minn 70 miljun persuna ħarbu mill-gwerra, l-persekuzzjoni u l-kunflitt matul l-2018. L-Aġenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) qalet li dan hu l-ikbar ammont matul dawn l-aħħar 70 sena.

Skont ir-rapport annwali bl-isem ta’ Global Trends maħruġ mill-UNHCR kważi 70.8 miljun persuna ġew sfurzati jitilqu minn pajjiżhom. Dan ifisser 2.3 miljun persuna aktar mill-2017 u d-doppju ta’ 20 sena ilu.

Ir-rapport tal-Global Trends jelenka tliet gruppi li fihom jiġu kklassifikati dawn il-persuni. L-ewwel grupp huma r-refuġjati li tfisser li dawn il-persuni kienu sfurzati jitilqu minn pajjiżhom minħabba kunflitt, gwerra jew persekuzzjoni. Fl-2018, l-ammont ta’ refuġjati minn madwar id-dinja kien ta’ 25.9 miljun persuna, 500,000 iktar mill-2017. Dawn jinkludu 5.5 miljun Palestinjan li qegħdin taħt il-kura tal-United Nations Relief u l-Works Agency.

It-tieni grupp huwa l-persuni li qed ifittxu ażil. Dawn huma nies li jinsabu barra minn pajjiżhom sabiex jirċievu protezzjoni internazzjonali u qed jistennew sabiex jingħataw l-istat ta’ refuġjat. Sal-aħħar tal-2018 kien hawn 3.5 persuni li qed jfittxu ażil.

Matul l-2018 aktar minn 41.3 miljun persuna kellhom isibu refuġju alternattiv fl-istess pajjiż fejn jgħixu. Dawn jissejħu persuni li mxew internament (IDPs).

Il-UNHCR qalu li l-aħjar soluzzjoni hija li r-refuġjati jirritornaw pajjiżhom ‘mod volontarju wara dan ikun sigur u ta’ dinjità. Żiedu li soluzzjonijiet oħra huma li dawn il-persuni jiġu intergrati f’pajjiżi oħra. Huma qalu li l-UNHCR taħdem sabies il-pajjiżi kollha jingħaqdu flimkien għal ġid komuni quddiem dawn l-isfidi.