143,000 tunnellata ta’ prodotti agrikoli fis-sena

Malta tipproduċi b’medja ta’ 143,000 tunnellata fis-sena ta’ prodotti agrikoli għalkemm timporta ħafna iktar milli tesporta.
L-NSO ppubblika ċifri fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel, li jitfakkar madwar id-dinja fis-16 t’Ottubru.
Is-sena li għaddiet, Malta żiedet il-produzzjoni agrikola tagħha fuq l-2012, madankollu għadha ftit 'il bogħod mill-aħjar sentejn tal-aħħar ħames snin.
Is-sena li għaddiet ipproduċiet 140,310 tunnellata ta' prodotti agrikoli, li jfisser żieda ta' 1.2% fuq l-2012 meta pproduċiet 138,671 tunnellata.
Iktar minn nofs il-produzzjoni agrikola ta’ Malta hi ħaxix (53%), segwit mill-ħalib li jlaħħaq id-29%.
Il-bqija tal-produzzjoni agrikola hi frott (6%), majjal (4%), bajd (4%), tiġieġ (3%) u ċanga (1%). 
Filwaqt li s-sena li għaddiet Malta rnexxielha żżid il-produzzjoni tal-ħaxix b'5.4%, madankollu dik għall-ħalib naqset b'5.5%.
Fl-2013, Malta impurtat b’kemm jiswew €510 miljun f’ikel, l-iktar fejn jidħlu frott u ħaxix, ħalib, ġobon u bajd.
Malta żiedet l-esportazzjoni tagħha bi 13.2% għal €212-il miljun, l-iktar minħabba ż-żieda fl-esportazzjoni tal-ħut (16.8%). 
F'kull kategorija tal-ikel, Malta timporta iktar milli tesporta ħlief għall-ħut. Fejn jidħol laħam, ġobon u bajd, u żjut u xaħmijiet, Malta timporta biss.