142 fil-ħabs iżda għadhom qed jistennew sentenza

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, fil-ħabs kien hemm 142 persuna li qed jinżammu bħala detenuti iżda għadhom ma ngħatawx is-sentenza ta’ priġunerija.
Il-Ministru Farrugia żied jgħid li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm ukoll 45 ħabsin barranin u li għandhom inqas minn 25 sena. Huwa qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Semma kif fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bħalissa hemm erba’ assistenti psikoloġiċi li jaħdmu fuq bażi full time taħt is-superviżjoni ta’ psikologu forensiku prinċipali. 
Hemm ukoll żewġ ħaddiema soċjali li jagħtu servizz lill-ħabsin.
Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari oħra dwar il-ħabs, il-Ministru għall-Intern qal li hemm problemi loġistiċi u strutturali f’uħud miċ-ċelel tal-ħabs li ma jippermettux li jkun hemm sistema ta’ flushing fit-toilets. Qal li din il-problema hija fiċ-ċelel li jinsabu fil-parti l-antika tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u l-Gvern qed jevalwa kif tista’ tiġi indirizzata din il-problema.