141 bejn sema u ilma; jistennew permess biex jidħlu Malta

38 tifel u tifla taħt il-15-il sena, uħud minnhom bla familja, diversi ommijiet u missirijiet, uħud morda ilhom ġranet bejn sema u ilma, wara li rċevew diversi ċaħdiet qabel ma’ tħallew jidħlu f’Malta. Huma kienu qed jistennew il-pajjizi Ewropej isalvawlhom hajjithom billi jilqgħuhom f’pajjiżhom.

Tama feġġet għalihom wara li Malta qalet li lesta tagħtihom kenn sakemm il pajjiżi l-oħra jkunu lesti jilquhom. Iżda minkejja li kien tħabbar li l-bastiment Aquarius se jidħol illejla, il-permess għadu ma ħariġx.

Sorsi qrib l-għaqda Médecins Sans Frontières (MSF), waħda mill-għaqdiet mhux governattivi li topera l-bastiment Aquarius, qal li Newsbook.com.mt li qal li Aquarius għadu qed jistenna l-istruzzjonijiet miċ-Ċentru ta’ Kordinament f’Malta. Filwaqt li kelliem għal Transport Malta qal lil din il-kamra tal-aħbarijiet li l-ħin eżatt se jkun qed jitħabbar iktar tard meta mistoqsi jekk inħariġx ordni uffiċċjali biex il-bastiment jidħol f’Malta u għal xi ħin se jidħol.

Sadanitant jidher li qed jitlesta kollox biex il-bastiment jidħol fir-Rampa tal-Isla (Boiler Wharf) fejn iktar kmieni dan is-sajf kien iddaħħal il-bastiment MV Lifeline. 

L-għaqda Mission Lifeline li hi involuta fit-tfittxija u salvataġġ u li kontra l-kaptan tal-bastiment tal-istess għaqda bħalissa għaddej każ f’Malta f’tweet qalet għadha ma tistax tifhem kif il-persuni salvati għadhom ma daħħlux Malta. Huwa kritikaw lill-mexxejja tal-pajjiżi li qed jpoġġu rwieħhom bħala “eroj” filwaqt li joħolqu ostakkli għall-bastimenti tat-tfittxija u salvataġġ.

Il-konċessjoni ngħatat wara li l-Gvern Malti daħal f’diskussjoni ma’ Franza u l-persuni se jkunu mqassma ma’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li jinkludu Spanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Belġju, il-Ġermanja u l-Portugall.