1,407 studenti barranin fl-Università minkejja l-pandemija

Read in English.

Minkejja l-pandemija tal-coronavirus, l-Università ta’ Malta għandha 1,407 studenti din is-sena akkademika, minn 118-il pajjiż differenti.

Illum l-Università ta’ Malta bdiet is-sena akkademika ġdida tagħha, b’aktar minn 4,734 student ġdid.

Aktar minn 3,000 student qegħdin isegwu korsijiet ta’ qabel il-lawrja, filwaqt li 1,600 student u fuqhom qed jieħdu korsijiet ta’ wara l-lawrja. B’hekk, it-total ta’ studenti fl-Università din is-sena huwa ta’ 11,658 student.

Minn dawn, il-maġġoranza hija femminili, b’6,908 studenti nisa. Studenti rġiel hemm 4,748. Dawn qegħdin isegwu total ta’ 930 kors.

Fil-każ tal-Junior College, li jagħmel parti mill-Università, hemm aktar minn 1,100 student ġdid. It-total ta’ studenti fil-kulleġġ huwa ta’ 1,740.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici attenda għall-ftuħ uffiċjali tas-sena akkademika tal-Università.

Dalgħodu l-Università u l-Junior College uffiċjalment fetħu l-bibien tagħhom għal sena skolastika oħra.Awguri lill-istudenti u lecturers kollha!

Posted by Owen Bonnici on Friday, October 16, 2020

Il-lekċers għall-istudenti l-ġodda se jibdew fid-19 t’Ottubru fil-maġġorparti tagħhom, filwaqt li l-lekċers għall-istudenti li din mhix l-ewwel sena tagħhom fl-Università, diġà bdew.

Minħabba l-pandemija, xi lekċers qegħdin isiru online. L-Università qed tuża sistema ta’ taħlita ta’ lekċers online u fil-klassijiet.