Aġġornata (2): 140 infermier se jissejħu għal impjieg fil-jiem li ġejjin

Reazzjoni PN:

Il-kelliem għas-Saħħa f’isem il-Partit Nazzjonalista Claudio Grech qal li d-dewmien fl-ingaġġ tal-infermiera ġodda fis-servizz tas-saħħa qed iħalli impatt negattiv kemm fuq il-pazjenti kif ukoll fuq l-infermiera li diġà jinsabu fis-servizz u li qed iġorru piż ikbar ta’ xogħol.

Qal li dan minbarra l-fatt li l-infermiera ġodda gradwati jinsabu d-dar ma jagħmlu xejn.

Saħaq li “l-Ministru għas-Saħħa qiegħed jipprova jitfa’ it-tort fuq il-Ministru tal-Finanzi għaliex, skont hu, l-approvazzjoni finanzjarja għall-ingaġġ tal-infermiera ingħata f’Awwissu”.

Grech għamel ukoll referenza għall-każ tal-mediċini out of stock, u sostna li “qed joħroġ fil-beraħ il-mod diżorganizzat u kaotiku li l-Gvern qed imexxi bih dan is-settur”. 

 

Reazzjoni MUMN:

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li wara xhur ta' pressjoni mill-unjin, kienet infurmata li l-infermiera gradwati ġodda se jiġu ngaġġati fuq bażi temporanja fil-jiem li ġejjin.

L-MUMN laqgħet din id-deċiżjoni, imma saħqet li din kienet tinvolvi ħafna ħin, enerġija u ħidma biex tikkonvinċi d-Diviżjoni tas-Saħħa dwar materja daqshekk sempliċi u li hija garantita mill-Kostituzzjoni ta' Malta. 

L-MUMN tittama li d-Diviżjoni tas-Saħħa tuża l-istess kriterji għall-ingaġġ tal-qwiebel.

 

Aktar kmieni:

Il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li 140 infermier li gradwaw dan l-aħħar mill-Università ta’ Malta, u li diġà applikaw għas-sejħa tal-infermiera, se jissejħu għall-impjieg fil-jiem li ġejjin.

Sostna li kemm il-Ministeru għas-Saħħa u l-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali ħassew il-bżonn li jingaġġaw dawn l-infermiera b’effett immedjat, biex jissaħħu aktar is-servizzi tas-saħħa.

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tippermetti li waqt il-proċess ta’ ingaġġ, l-impjegati jistgħu jingħataw impjieg temporanju għall-perjodu ta’ xahrejn.

Wara dan il-perjodu, l-infermieri kollha jiġu impjegati fuq bażi permanenti hekk kif jiġi konkluż il-proċess ta’ reklutaġġ.