140 ħajja f’riskju: “Qed nibżgħu minn nawfraġju” – Alarm Phone

Twitter

Read in English.

Huwa maħsub li madwar 140 persuna huma mitlufa fuq il-baħar, skont Alarm Phone, netwerk ta’ salvataġġ umanitarju. Dan qal li tilef il-kuntatt ma’ żewġ dinghies li qed jitbaħħru mitlufa fil-Mediterran. Intant, waqt li f’Malta għandna temp sabiħ u sema ikħal b’temperaturi tas-sajf, hemm barra, bejn sema u ilma, qed jonfoħ riħ ta’ qawwa 6 fuq l-iskala Beaufort. Dan ifisser li hemm mewġ għoli 3metri. Biex nagħtu ftit perspettiva, fuq l-art riħ Forza 6 jagħmilha tassew diffiċli biex persuna imqar tmidd pass. Bilfors ikollna nistaqsu, xi jfisser dan, f’baħar miftuħ, bejn sema u ilma, fuq qoxra fraġli bħal ma huwa dinghy, jekk tkun tqila, bit-tfal iggranfati miegħek, bil-ġuħ, xofftejk maqsuma b’nixfa tal-għuda u mingħajr tama?

Baħar Forza 6

Il-ħidma tal-NGOs meta l-awtoritajiet ifallu

Il-kliem ta’ Deanna minn Alarm Phone kien ċar. “Jekk dawn il-persuni għadhom ħajjin, issa ilhom fuq il-baħar għal ħafna ġranet, u m’għandhomx ikel jew ilma. Nafu fiċ-ċert li fosthom hemm mara tqila, u li hemm persuni li tilfu sensihom.” Alarm Phone joperaw servizz ta’ salvataġġ ta’ 24 siegħa. Meta mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar l-allegazzjoni li l-NGOs qed jittrattaw ma’ traffikar ta’ bnedmin, Deanna rrispondiet, “Dawn l-allegazzjonijiet huma qarrieqa u mhux korretti. L-ebda NGO ma għandha kuntatt ma’ traffikanti tal-bnedmin, u l-preżenza ta’ NGO hija meħtieġa meta l-awtoritajiet Ewropej jonqsu milli jipprovdu assistenza lill-immigranti.” Deanna żiedet tgħid li f’dawn l-aħħar jiem kien m’hemm l-ebda NGO fuq il-baħar, u kien biss wara li Aita Mare, bastiment Spanjol ta’ NGO, biddel ir-rotta oriġinali tiegħu li ngħatat l-assistenza lil xi immigranti. “Li kieku ma kienx għal Aita Mare, 43 persuna kienu jitilfu ħajjithom fil-baħar,” qalet Deanna.

Alarm Phone vs Frontex?

Din is-saga bdiet fis-satra tal-lejl, fis-siegħat bikrin ta’ nhar il-Ġimgħa filgħodu, meta taħt l-għamad tad-dlam, erba’ dgħajjes telqu mil-Libja jġorru grupp ta’ persuni. Bla bagalji kienu imma qalbhom kienet mimlija bil-biża’ u bit-tama. Telqu erba’ dgħajjes. Is-servizz Frontex qal lil AFP, aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet, li l-erbgħa li huma kienu salvi, jafu x’sar minnhom. Imma Alarm Phone għandhom id-dubbji tagħhom. “Hemm 55 persuna li ma nafux jekk għadhomx ħajjin. Qed nibżgħu minn nawfraġju. Il-familji tagħhom qed jjikkuntattjawna, u aħna ma għandniex risposti għalihom,” qalet Deanna. It-43 persuna li kienu salvati minn Aita Mare kellhom bżonn assistenza medika imemdjata, kompliet tgħid Deanna u hija r-responsabilità tal-awtoritajiet Maltin li jipprovdu din l-għajnuna, minħabba li huma aċċettaw li jikkoordinaw il-ħidma ta’ salvataġġ fl-ilmijiet ta’ Malta. “Hija r-responsabilità tagħhom i joffru port sikur lil dawn il-persuni,” qalet Deanna. 

Sejħa għall-għajnuna

Sa minn kmieni nhar il-Ġimgħa, Alarm Phone irċevew diversi sejħiet għall-għajnuna. Waħda mid-dgħajjes li kellha 77 persuna waslet l-Italja, filwaqt li oħra li kellha 43 persuna tilfet ir-rotta u nstabet wara erbat ijiem minn Aita Mari. “Aħna bgħatna l-pożizzjoni tagħhom fuq il-GPS diversi drabi lill-awtoritajiet Maltin u Taljani, imma huma ma ħadu l-ebda azzjoni. Lanqas biss kienu qed jirrispondu t-telefon meta konna qed inċemplu biex navżawhom dwar din id-dgħajsa fil-periklu. Qatt ma rrispondew l-emails li bgħattna,” qalet Deanna. In-nies fuq id-dgħajsa kienu f’sitwazzjoni ddisprata, kompliet tgħid Deanna. Qalet li kien biss meta l-bastiment Aita Mari resaq lejn ix-xena tad-diżastru li l-awtoritajiet Maltin iċċaqalqu biex jippermettu s-salvataġġ. It-43 persuna li nġabru mill-Aita Mari kienu maħruqa bix-xemx u kellhom nuqqas kbir ta’ ilma. Imma Malta xorta waħda baqgħet tirrifjuta li dawn jitħallew jidħlu lejn Malta bħala port ta’ salvataġġ. “Bosta mill-persuni abbord kienu jeħtieġu assistenza medika immedjata, u din hija sitwazzjoni tassew perikoluża għax il-bastiment Aita Mari m’għandux tobba abbord,” qalet Deanna. 

Anke bastimenti kbar kellhom iduru lura minħabba l-baħar qawwi

Skont il-kellima ta’ Alarm Phone, l-awtoritajiet Maltin taw permess lil ħelikopter bi staff mediku biex itir lejn Aita Mari, imma din l-operazzjoni falliet minħabba l-qawwa tal-baħar, u għalhekk it-tabib ma niżilx abbord. Intant, dgħajsa b’55 persuna ilha mitlufa minn nhar il-Ħadd li għadda, meta Alarm Phone tilfu kull kuntatt magħhom. Sa dak il-punt id-dgħajsa kienet qed tiġi sorveljata u kienet fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta, u skont il-kelliema ta’ Alarm Phone, l-awtoritajiet Maltin kienu mgħarrfa  bil-pożizzjoni tagħhom fuq il-GPS. Madankollu, Deanna qalet li operazzjoni ta’ sorveljanza bl-ajru kienet lemħet lid-dgħajsa madwar nofs il-lejl nhar it-Tnejn. “Nisperaw li din hija l-istess dgħajsa, dik li għandha fuqha l-55 persuna,” qalet Deanna. Qalet li l-AFM bagħtu messaġġ ta’ emerġenza bin-NAVTEX lill-bastimenti kollha li kienu fil-viċin, fejn talbuhom l-assistenza. “Il-bastiment tal-merkanzija IVAN resaq fil-viċin imma ma setax jipprovdi assistenza minħabba l-mewġ qawwi, u għalhekk telaq. F’dan il-punt ma nafux x’ġara lill-persuni li kienu fuq id-dgħajsa li għadha mitlufa,” stqarret Deanna.

140 ruħ għadhom mitlufa

Apparti din id-dgħajsa b’55 persuna li għadha mitlufa fuq il-baħar, hemm ukoll dgħajsa oħra, ir-raba’ dgħajsa li kellha 85 ruħ abbord. “Huwa tassew diffiċli li nikkummentaw dwar l-istat ta’ din id-dgħajsa. Nisperaw li din waslet l-Italja, imma ma nistgħux nikkonfermaw dan,” qalet Deanna. “Ma nafux jekk għadhomx ħajjin. Qed nibżgħu minn nawfraġju,” temmet tgħid Deanna.