14-il sena minn meta nqatel Roger Debattista

Il-Pulizija f’Malta qed ifakkru l-mewt tal-kollega tagħhom PC 949 Roger Debattista, li 14-il sena ilu nqatel waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Roger, missier ta’ żewġt itfal, inqatel meta kien fuq extra duty ma’ bank f’Ħal Qormi. 
​Dakinhar, fit-12 ta’ Novembru 2001, Debattista ra tliet ħallelin armati mexjin lejn l-entratura tal-bank, u meta pprova jsakkar il-bieb biex jipproteġi u jiddefendi lill-klijenti li kien hemm ġewwa, wieħed mill-ħallelin spara tir fid-direzzjoni tiegħu.
Il-bullet għadda mill-bieb li ma kienx bullet proof u laqat lill-Kuntistabbli.
Il-ħalliel, li aktar tard ġie identifikat bħala Andy Calleja, spara tir ieħor lejn Debattista u qatlu.
L-akkużati Mario Borg u Mark Falzon intbagħtu ħames snin ħabs, filwaqt li Ian Galdes intbagħat seba’ snin.
Andy Calleja ngħata sentenza ta’ għomor il-ħabs, li ġiet ikkonfermata f’appell fl-2004.