14-il sena ilu ħajjet Amy inbidlet għal dejjem

14-il sena ilu ħajjet Amy Camilleri Zahra inbidlet għal dejjem. Hija ttieħdet b’emerġenza l-isptar minħabba li ma felħitx tissaporti l-uġigħ li ħakimha. Amy spjegat fuq Facebook kif il-ġenituri tagħha beżgħu li mhux se tgħix u t-tobba qalulhom biex ikunu preparati għal affarijiet koroh.

Qalulhom biex isellmu lil binthom għax il-possibiltà li tgħix donnu ma kinitx aktar possibbli. Amy spjegat kif spiċċat tgħix fuq il-magni u tpoġġiet f’koma.   

Stqarret li temmen li Alla kellu pjanijiet oħra għaliha. Qalet li l-ħajja offritilha uħud mill-akbar sfidi iżda offritilha wkoll uħud mill-akbar barkiet.

Hija qalet li tul dawn l-aħħar 14-il sena tgħallmet uħud mill-akbar lezzjonijiet dwar l-imħabba, il-kumpassjoni, il-ħbiberija, l-empatija u l-ugwaljanza.

Amy saħqet li l-vjaġġ f’dawn l-aħħar 14-il sena ma kienx ikun possibbli mingħajr is-sapport tal-ġenituri li dejjem emmnu fiha, mingħajr is-sapport tar-raġel, ta’ ħuha, tal-familja u tal-ħbieb. Hija stqarret li għad għandha f’qalba wkoll lil dawk in-nies li għenu lil familtha kif ukoll lilha f’dawk iż-żminijiet diffiċli.