14-il sena ħabs għax qatel raġel li kissirlu l-mera tal-karozza fl-Ingilterra

MET Police

Xufier li kien iqassam il-pizza li qatel raġel għax kissirlu l-mera tal-karozza ntbagħat il-ħabs għal 14-il sena.

Ġurnali internazzjonali rrapurtaw kif Urban Nabiev, ta’ 63 sena, saq għal fuq John Ambler ta’ 33 sena u Jake Kemp ta’ 26 sena wara li wieħed ta daqqa ta’ ponn fuq il-karozza ta’ Nabiev f’Ottubru li għadda.

Kemp indarab b’tali mod li spiċċa tilef ħajtu wara li kien imkaxkar disa’ metri fuq banikna f’Bickley Road, Erith.

L-Imħallef li ta s-sentenza ta’ ħabs lil Nabiev iddeskriva l-qtil bħala wieħed orribbli. Qal li kienet reazzjoni eżaġerata għal dannu żgħir ikkawżat fuq karozza.

Il-ġurija kienu semgħu kif Kemp u Ambler kienu mexjin fit-triq wara li ħarġu filgħaxija. Huma ġew wiċċ imb’wiċċ mal-karozza ta’ Nabiev u Ambler ta’ daqqa ta’ ponn li kkawżat ħsara fuq il-mera. Nabiev daħal fil-karozza tiegħu, tela’ fuq il-bankina u uża l-karozza tiegħu bħala arma kontra ż-żewġt irġiel.

Hu laqat lil Ambler li nqalatlu spalltu mal-impatt. Hu mbagħad segwa lil Kemp li pprova jaħrab. Meta dan waqa’, Nabiev saq minn fuqu u kaxkru tul it-triq. Kemp miet tliet ijiem wara.