“L-ebda każ ta’ priġunier bid-droga fl-aħħar 7 ġimgħat” – Ministeru; “Infestat bid-droga” – PN

Il-Ministeru għall-Intern ippreċiża li tul dawn l-aħħar seba’ ġimgħat ma kien hemm l-ebda każ ta’ priġunieri li ġew riferuti l-Isptar Mater Dei jew il-Klinika ta’ Raħal Ġdid b’overdose
Din l-istqarrija ħarġet b'rabta ma' artiklu li deher fil-gazzetta The Times of Malta, fejn intqal li fil-ħabs hemm problema ta' droga anke fl-iktar partijiet ta'sigurtá. Il-Ministeru qal li dawk li jkunu suspettati li abbużaw mid-droga isirilhom test apposta filwaqt li jekk priġunieri ma jħosshomx tajjeb jingħataw il-kura skont il-bżonn.
Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista qal li s-sitwazzjoni fil-ħabs iddeterjorat sal-punt, li flok il-pajjiż għandu faċilità fejn ħabsin jirriformaw ruħhom, hawn ħabs infestat bid-droga.
Ġie spjegat mill-Ministeru li mill-1 ta’ April ta’ din is-sena, twettqu 696 tfittxija fiċ-ċelel, minbarra tfittxjiet fuq priġunieri wara li jidħlu lura fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin u fuq il-qraba tagħhom.
Il-Ministeru sostna li jsiru wkoll spezzjonijiet fuq l-uffiċjali tal-ħabs u fuq kull vettura li tidħol fil-faċilità.
Kompla jgħid li l-impenn tal-Gvern hu rifless fil-ftehim riċenti mal-Caritas biex aktar priġunieri jsegwu programm terapewtiku.
Minkejja dan kollu, il-Ministeru qal li fix-xhur li ġejjin se jidħlu fis-seħħ metodi ġodda ta’ kontroll fuq tfittxijiet għad-droga filwaqt li se jibqgħu jittieħdu l-passi kollha neċessarji.
Iktar kmieni
Fl-aħħar seba’ ġimgħat kien hemm 14-il każ ta’ overdose fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Dan kien żvelat mill-gazzetta The Times, fejn qalet li bħalissa l-ħabs għaddej minn problema kbira tad-droga, b’mod partikolari dik sintetika.
Qalet li d-droga sintetika saret komuna fil-ħabs tant li l-awtoritajiet ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu biex jipprevjenu milli tidħol wara l-ħitan tal-ħabs.
Żiedet tgħid li s-sitwazzjoni tant hi allarmati li saħansitra d-droga daħlet wkoll f’divizjoni sitta, l-aktar parti sigura tal-ħabs.
L-14-il ħabsi ngaħtaw il-kura fil-klinika tal-ħabs iżda wħud kellhom jittieħdu l-isptar għal aktar kura.
Il-ġimgħa l-oħra The Times irrapportat ukoll li wħud mill-ħabsin inqabdu bid-droga u mobajls.
Hija rrapportat ukoll li ħabsi rnexxielu jieħu d-droga mingħand missieru fil-Qorti. Ġie spjegat li l-gwardjani nnotaw x’kien qed jiġri u hekk kif ittieħed il-ħabs saru tfittxijiet fuq il-ħabsi u nstab pakkett b’sustanza ħadra, li aktarx kienet kokaina.
Fi Frar li għadda kienu nqabdu 23 pakkett bi tliet tipi ta’ droga qabel ma’ ddaħħlu l-ħabs. Dan wara li kien ġihom suspett fuq par żarbun.
“Il-Ministru Michael Farrugia għandu jispjega x’qed jiġri” –PN
Din l-aħbar ġabet ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalisti. Fi stqarrija l-PN qal li s-sitwazzjoni fil-ħabs iddeterjorat sal-punt li flok il-pajjiż għandu faċilità fejn ħabsin jirriformaw ruħhom, hawn ħabs infestat bid-droga.
Saħaq li l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia għandu jagħti spjega kif fil-ħabs hemm sitwazzjoni fejn il-konsum tad-droga huwa wieħed kbir u l-awtoritajiet bħal donnu ma għandhom ebda soluzzjoni kif se tiġi indirizzata din il-problema.
Żied jgħid li Farrugia għandu jispjega wkoll  min huwa responsabbli għal din is-sitwazzjoni.
Temm jgħid li l-ħabsin u l-qraba tagħhom għandhom dritt li jkollhom rashom mistrieħa li kull min hu fil-ħabs, ma jispiċċax huwa ukoll vittma tal-konsum tad-droga.