14-il lukanda b’permess biex iżidu żewġ sulari

Fl-aħħar disa’ xhur, mal-14-il lukanda ġabu l-permess biex ikunu jistgħu jżidu żewġ sulari oħra mal-għoli li diġa’ għandhom.
Il-politika ġdida dwar il-limitazzjoni tal-għoli għal-lukandi tippermetti li lukandi ta’ tlieta, erba’ jew ħames sulari u li jinsabu f’żoni turistiċi, jistgħu jżidu l-għoli tal-bini tagħhom b’żewġ sulari.
Waqt konferenza bl-isem ‘Effiċjenza fil-Ħidma tal-Gvern’, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħabbar ukoll it-tnedija tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp f’Żoni Turistiċi.
L-għan tal-fondazzjoni hu li titjieb l-attrazzjoni turistika u jiġi żgurat li l-Gvern jilħaq l-objettivi ta’ ambjent turistiku sostenibbli. 
Il-Ministeru bħalissa għaddej b’ħidma fuq it-tfassil ta’ politika għall-imwejjed u siġġijiet fuq art pubblika, fejn applikant se jgawdi minn sistema ta’ one stop shop. Tfassal dokument ta’ linji gwida, maqbul bejn l-entitajiet involuti, li ġie diskuss mill-Bord tal-MEPA u approvat wara li saru xi bidliet. L-abbozz ta’ din il-politika se jiġi konkluż sabiex wara jiġi ppubblikat għall-konsultazzjoni aktar tard dan ix-xahar.