14-il każ ġdid tal-coronavirus; 9 minn party f’lukanda

Aġġornat 10:36 AM
Miguela Xuereb

Il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar qabża fl-għadd tal-każijiet tal-coronavirus f’Malta, billi fl-aħħar 24 siegħa feġġew 14-il każ ġdid, wara li Malta kienet qorbot lejn iż-żero.

Newsbook.com.mt żvela din il-qabża fil-każijiet dalgħodu wara li sorsi infurmawh illi tfaċċaw ħafna każijiet ġodda, partikolarment minn żewġ avvenimenti: party li sar ġo lukanda u marċ tal-festa li sar Għawdex.

Dawn il-każijiet irriżultaw minn 1,220 test. B’hekk Malta issa għandha 26 każ attiv.

Disgħa mill-14-il każ huma ġejjin mill-party li sar f’lukanda l-ġimgħa li għaddiet. B’hekk dan il-party wassal għal 15-il każ tal-coronavirus. Tlieta mill-14-il każ ġdid kienu sporadiċi lokalment, filwaqt li tnejn oħra kienu impurtati.

L-awtoritajiet għadhom qed jappellaw sabiex in-nies li attendew dan il-party imorru jagħmlu t-test għall-coronavirus.

Ġie spjegat li l-ebda mill-14-il każ ma kellu bżonn trattament fl-isptar. Dawn il-persuni kollha qegħdin jibqgħu f’darhom.

OFFICIAL COVID-19 figures for 26•07•2020Chris Fearne | MaltaGov | Health Promotion and Disease Prevention Directorate | Covid19 Malta

Posted by saħħa on Sunday, July 26, 2020

Intant, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kiteb fuq Facebook li mill-14-il każ ġdid, ma kien hemm l-ebda wieħed li kien assoċjat mal-marċ ta’ San Ġorġ fir-Rabat. Lanqas ma hemm l-ebda każ minn dawn f’Għawdex.

Infurmat mit-tabib tas-saħħa pubblika responsabbli għal Għawdex li ħadd mill-14 il-każ pożittiv ma kienu assoċjati mal-marċ ta’ San Ġorġ jew f’Għawdex. Segwu l-istqarrijiet uffiċjali.

Posted by Clint Camilleri on Sunday, July 26, 2020

Ilbieraħ ma nstabu l-ebda każijiet u l-ebda persuni ma fiequ.

Minħabba din iż-żieda fil-każijiet, bosta persuni huma mħassbin u mbeżżgħin li l-coronavirus qed jerġa’ jqajjem rasu f’Malta. Diversi nies qed ileħħnu l-biża’ tagħhom u jgħidu li attivitajiet fejn jinġabru n-nies, bħal parties u festi, m’għandhomx jitħallew isiru. Inbdiet petizzjoni dwar dan li ġabret ħafna firem.