Filmat: 14-il każ ġdid tal-coronavirus; 2 ifiqu

Aġġornat 01:28 PM

Read in English.

  • 14-il każ ġdid; 9 bla sintomi u ħamsa bis-sintomi
  • 2 persuni oħrajn ifiqu mill-coronavirus
  • Rekord ta’ 1,727 swab test
  • 4 mill-każi ġodda huma persuni li jaħdmu bħala carers/healthcare workers
  • Ħaddiem f’ħanut tar-retail jinstab pożittiv; Prof. Gauci tgħid li l-prekawzjonijiet tal-ilbies tal-maskli r-riskju għall-pubbliku kien eliminat

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li llum instabu 14-il każ ġdid tal-coronavirus pożittiv. Dan ħareġ permezz ta’ infografika fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru.

L-inforgafika tgħid ukoll li fiqu żewġ persuni oħrajn. B’hekk fil-pajjiż issa hawn total ta’ 90 każ attiv wara li b’kollox instabu 546 każ fil-pajjiż mis-7 ta’ Marzu s’issa. Minnhom fiqu 450 b’kollox, u mietu sitta.

Matul il-jum tal-bieraħ saru total ta’ 1,727 swab test. Numru rekord ieħor ta’ swab tests f’jum wieħed.

Dan kollu jfisser li fl-aħħar tliet ijiem, instabu total ta’ 38 każ pożittiv tal-coronavirus. Ħafna minnhom kienu każijiet fil-komunità li ma kellhomx kuntatti ma’ każijiet oħrajn pożittivi li nstabu qabel.

OFFICIAL COVID-19 figures for 𝟭𝟲•𝟬𝟱•𝟮𝟬𝟮𝟬Profs Charmaine Gauci will further explain the latest updates at 12:30pm on Covid19 Malta.Chris Fearne | MaltaGov | Health Promotion and Disease Prevention Directorate

Posted by saħħa on Saturday, May 16, 2020

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, spjegat li ż-żewġ persuni li fiqu kienu ta’ bejn 30 u 39 sena u ieħor ta’ 40 u 49 sena.

Dwar il-każi pożittivi, Prof. Gauci qalet li kien hemm disa’ li ma kellhomx sintomi u ħamsa bis-sintomi.

  • Raġel Malti li jaħdem f’ħanut tar-retail. Qalet li minħabba li kienu qed jintlibsu l-maskli, dawk li ġew f’kuntatt miegħu ma kinux f’periklu.
  • Malti ta’ 28 sena li fit-13 ta’ Mejju kellu deni, griżmejh juġugħ, u uġigħ fil-muskoli. Jaħdem f’kumpanija privata u qed isir contact tracing.
  • Raġel Malti ta’ 62 sena li kellu sintomi. Hu jaħdem f’kumpanija u qed isir contact tracing fuq il-post tax-xogħol.
  • Raġel Malti ta’ 60 sena li wkoll kellu sintomi. Hu jaħdem f’kumpanija privata.
  • Mara Maltija ta’ 23 sena. Hi taħdem f’ħanut tat-take away. Qalet li l-kuntatt f’take away huwa minimu ħafna u b’hekk tnaqqas ir-riskju. L-istabbiliment kien magħluq biex issir disinfection.
  • Raġel minn Għawdex ta’ 40 sena li ma kellu l-ebda sintomi. Hu xtaq jagħmel it-test u ħareġ li huwa pożittiv. Hu jaħdem fis-settur pubbliku u qed isir contact tracing tal-ħaddiema u ta-familja.
  • Raġel Malti ta’ 38 sena li jaħdem fis-settur pubbliku. Qed isir contact tracing.
  • Raġel Malti ta’ 46 sena. Jaħdem ma’ kumpanija privata.
  • Raġel Malti ta’ 54 sena mingħajr sintomi. Jaħdem bħala healthcare worker fl-Isptar Mater Dei. Qed isir assessment dwar ma’ min seta’ kellu kuntatt.
  • Mara Maltija ta’ 61 sena. Hi kellha bżonn tmur l-Isptar Mater Dei għal raġunijiet oħrajn. Hi nstabet pożittiva f’test ta’ rutina.
  • Mara Maltija li taħdem carer f’waħda mill-wards fl-ISptar Mater Dei. Hi kellha kuntatt ma’ każ ieħor li kien pożittiv.
  • Healthcare worker ieħor li ħareġ pożittiv u kien jaħdem fl-istess ward fl-Isptar Mater Dei.
  • Healthcare worker oħra li kellha kuntatt ma’ pazjent pożittiv. Hi kienet diġà fi kwarantina.
  • Mara maltija li hija healthcare worker u taħdem f’ward oħra. Hi għandha 22 sena u ma kellha l-ebda sintomi.

Prof. Gauci qalet li hawn numru ta’ każijiet li qed jinqabdu meta ma jkollhomx sintomi. Il-messaġġ qalet li huwa ċar – li kulħadd jibqa’ jieħu l-miżuri ta’ prevenzjoni.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar il-ftuħ tal-ajruport, Prof. Gauci qalet li sar risk assessment biex wieħed jara liema miżuri jistgħu jkunu rilaxxati. Qalet li s-sitwazzjoni tal-corridors li tħabbret, hija diskussjoni li għaddejja wkoll fl-Unjoni Ewropea. Qalet li s-sitwazzjoni trid tibda tiġi diskussa. Qalet li ma jfissirx li dawn se jinfetħu minn għada jew pitgħada.

Dwar iż-żieda ta’ każijiet u jekk dan għandux x’jaqsam mar-rilaxx tal-miżuri, Prof. Gauci qalet li hemm numru sostanzjali mill-każijiet huma bla sintomi. Qalet li hemm numru minnhom li huma kuntatti. Qalet li wieħed irid iħares lejn l-impatt.

Dwar jekk dan hux il-mument opportun fejn jinfetħu aktar stabbilimenti, Prof. Gauci qalet li jekk wieħed jieħu l-medja tal-R-Factor, din baqgħet inqas minn wieħed. Qalet li ġieli jkun hemm spikes fejn jitla’ ‘l fuq mill-wieħed. Qalet li ladarba l-R-Factor jibqa’ fuq medja taħt iż-żero, anke meta jkun hemm rilaxx tal-miżuri, juri li l-firxa mhix daqstant perikoluża.

Dwar it-testijiet li qed isiru b’ċans li joħorġu negattivi, Prof. Gauci qalet lil Newsbook.com.mt li f’każ li wieħed ikollu sintomi u jinstabu negattivi ma jfissirx li mhux marid bil-virus. Qalet li wieħed għandu jara li joqgħod attent. Enfasizzat li wieħed m’għandux jaħseb li ma jistax joħroġ pożittiv ladarba għamel it-test u rriżulta fin-negattiv.

Dwar is-social distancing, Prof. Gauci qalet li dan se jibqa’ fis-seħħ matul il-perjodu kollu tal-pandemija. Prof. Gauci qalet li l-pulizija għandhom x’jagħmlu biżżejjed. Qalet li wieħed m’għandux jiltaqa’ barra, imbagħad jitferrxu meta jaraw lill-pulizija. Sostniet li kulħadd għandu jkun responsabbli li jisma’ u jsegwi dawn il-miżuri.

Dwar persuni li jmorru l-baħar, Prof. Gauci qalet li wieħed jista’ jittieħed jekk ikun wiċċ imb’wiċċ ma’ persuni oħrajn jew jekk imiss uċuh ta’ oġġetti li kienu tmessew minn persuni pożittivi għall-virus. Assigurat li l-virus ma jitteħidx mill-ilma baħar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn