14-il kantant Taljan għal Malta

Min iħobb il-mużika Taljana, f’Diċembru għandu ċ-ċans jiltaqa’ mal-idoli tiegħu, f’żewġ serati mużikali.
14-il kantant Taljan ta’ fama internazzjonali, se jieħdu sehem għall-ewwel darba f’festival mużikali li jġib l-isem ta’ Notti Italiane a Malta, u li se jiġi ppreżentat mill-kantant u preżentatur Taljan Enzo Ghinazzi, magħruf aħjar bħala Pupo.
Iż-żewġ serati, li se jsiru fit-12 u t-13 ta’ Diċembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, żgur se jqanqlu ħafna nostalġija fost il-Maltin u l-Għawdxin.
L-organizzaturi ta’ CMC Promotions Malta ħabbru li f’kull serata se jieħdu sehem seba’ kantanti jew gruppi mużikali. Fl-ewwel serata se jkun hemm iċ-ċelebri Iva Zanicchi, Eduardo Vianello, u l-kantanta Donatella Rettore.
Fit-tieni serata, l-udjenza se tiltaqa’ ma’ seba’ kantanti oħra, fosthom Ivana Spagna, i Cugini di Campagna, Fiordaliso u Fausto Leali.
Aktar informazzjoni hawn.