14-il għalliem tal-Għarbi għal 120 student – Bonnici

Matul is-sena skolastika tal-2019/2020 hemm total ta’ 14-il għalliem ikkwalifikat fi skejjel sekondarji sabiex jgħallmu total ta’ 120 student li għażlu li jitgħallmu l-lingwa Għarbija.

Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici hu u jwieġeb mistoqsija tad-Deputat Parlamentari Carmelo Mifsud Bonnici. Mifsud Bonnici staqsa kemm kien hemm studenti li tgħallmu l-lingwa Għarbija fl-aħħar tliet snin fl-iskejjel sekondarji u kemm hemm għalliema kkwalifikati biex jgħallmu din il-lingwa.

Il-Ministru Bonnici qal li fis-sena skolastika tal-2017/18 u f’dik tal-2018/19 kien hemm total ta’ 121 student li riedu jitgħallmu din il-lingwa. Intant, fl-2017/18 kien hemm ħames supply teachers u tmien għalliema. Fis-sena skolastika tal-2018/19 ġie ngaġġat Kap tad-Dipartiment, kien hemm sitt supply teachers u seba’ għalliema. Fis-sena skolastika tal-2019/20 hemm Kap tad-Dipartiment wieħed, erba’ supply teachers u disa’ għalliema tal-Għarbi.