136 tfajla tqila mgħejjuna f’28 xahar

Il-proġett Għożża għen 136 tfajla li ħarġet tqila fl-aħħar mill-2014 il-quddiem.
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Godfrey Farrugia.
Terz ta’ dawn kellhom 17-il sena waqt li tfajla-omm minn kull erbgħa kellha 16-il sena. Fl-istess perijodu kien hemm żewġ tfajliet ta’ 13-il sena, tminn tfajliet ta’ 14-il sena u 15-il tfajla ta’ 15 il-sena li ġew mgħejjuna.
Bartolo fisser li l-proġett joffri għajnuna, counselling u sapport lit-tfajliet minorenni, lill-partners u l-ġenituri tagħhom u jinkludi ukoll Programmi ta’ prevenzjoni għall-ġenituri fl-iskejjel sekondarji kemm ta’ l-Istat kif ukoll tal-Knisja u dawk Independenti kif ukoll programmi ta’ prevenzjoni għall-istudenti tal-Form 4.
B’kollox fis-sentejn skolastiċi li għaddew ntlaħqu 413 żgħażugħ u 315 żagħżugħa li jinsabu f’Form 4 kif ukoll il-ġenituri ta’ 515 student f’livell ta’ Form 1 fi skejjel tal-istat. Intlaħqu ukoll 322 tfajla li qegħda f’Form 4 fi skejjel tal-Knisja.