133 immigrant għal Sardinja wara li Malta rrifjutathom

Sea-Eye / Twitter

133 immigrant abbord il-bastiment Alan Kurdi salpaw lejn Sardinja wara li pajjiżi oħra rrifjutaw li jdaħħluhom, fosthom Malta.

Dawn l-immigranti ġew salvati nhar is-Sibt li għadda.

L-għaqda mhux governattiva Sea-Eye qalet li sat-Tlieta filgħaxija, l-ebda ċentru ta’ salvataġġ Ewropew ma ħa r-responsabbiltà li jsalvahom u jdaħħalhom. Iċ-ċentru ta’ kordinazzjoni u salvataġġ Malti rrifjuta mill-ewwel. Iċ-ċentru Taljan irreferiehom għaċ-ċentru Ġermaniż, u minn hemm, irreferewhom għall-Ministeru tat-Trasport u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniżi.

It-Tlieta filgħodu, il-Gwardja tal-Kosta Taljana evakwat lil żewġ nisa, raġel, u ħamest itfal, li l-iżgħar minnhom kienet tarbija ta’ ħames xhur. It-Tlieta filgħaxija, imbagħad, Sea-Eye talbet liċ-ċentri ta’ salvataġġ f’Malta, l-Italja, il-Ġermanja u Franza għal port sigur, imma ħadd minn dawn ma wieġeb. Għalhekk, il-bastiment Alan Kurdi beda l-vjaġġ lejn il-Port ta’ Marsilja fi Franza, fejn kellu jmur oriġinarjament.

Madankollu, fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, l-awtoritajiet Taljani kkuntattjaw lil Alan Kurdi biex jinfurmawhom li l-bastiment jista’ jidħol f’Arbatax f’Sardinja.