133 ġenitur qed jitħallew jiltaqgħu ma’ wliedhom online b’superviżjoni

B’kollox bħalissa qed isiru 133 sessjoni b’superviżjoni bejn ġenituri u wlied li nfirdu minħabba l-coronavirus. Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Ministeru għall-Familja hi u twieġeb diversi mistoqsijiet tal-kamra tal-aħbarijiet dwar id-digriet li daħal fis-seħħ ix-xahar li għadda.

Fl-24 ta’ April, il-Ministeru għall-Familja ħabbar li l-Qorti tal-Familja tat digriet sabiex ikun jista jsir l-aċċess tat-tfal b’superviżjoni b’mezzi awdjoviżivi. Il-Ministeru kien spjega li ressaq riskors quddiem il-Qorti tal-Familja, ippreseduta mill-Imħallef Anthony Vella, fejn il-Qorti ntalbet tagħti digriet dwar l-aċċess għall-minuri b’superviżjoni, liema aċċess kien ġie sospiż minħabba l-coronavirus, sabiex dan jibda jsir b’mod diġitali. 

Intant, f’intervista separata ma’ Newsbook.com.mt, Dr Ivan Sammut id-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, spjega li l-ebda Qorti ma tista’ tibdel digrieti ta’ sentenzi ta’ partijiet oħrajn.

“Jidher li b’digriet wieħed, l-Aġenzija Appoġġ waslet biex jinbidlu numru ta’ digrieti”

Dr Sammut sosta li l-Aġenzija Appoġġ għamlet xi proċedura fil-Qorti li wasslet biex jinbidel id-digriet ta’ kull min huwa affettwat. Insista li jekk xi ħadd għandu kwistjoni ma’ persuna oħra, ħadd ma jista’ jidħol bejniethom u jbiddel id-deċiżjoni tal-Qorti. Hu spjega li dak li għamlet l-Aġenzija Appoġġ kien li rranġa anomalija fid-digrieti preċedenti. Spjega li dawn it-tip ta’ access visits għandhom u jistgħu jsiru online ukoll. Spjega li din hija xi ħaġa pożittiva u li tgħin sabiex jitnaqqas il-parental alienation.

Hu kompla billi spjega li l-parental alienation splodiet minħabba l-coronavirus. Parental alienation hija meta għandek żewġ ġenituri li għandhom l-ulied, u hemm ġenitur wieħed li jipprova jimmina, jimmanipula u jagħmel brain washing tal-ulied biex dawn iduru kontra l-ġenitur l-ieħor u jirriġettawh u jobgħoduh mingħajr ġustifikazzjoni.

Dr Sammut spjega li kien hemm ħafna nies li ħadu l-vantaġġ li għax hawn talba għall-kwarantina volontarja u t-tfal twaqqfu mill-iskejjel, jistgħu jċaħħdu lil uliedhom mill-ġenitur l-ieħor, min-nanniet jew skont x’inhuma ċ-ċirkustanzi tal-familja. Dr Sammut irrimarka li l-coronavirus ma biddel l-ebda digriet tal-Qorti. Qal li kull digriet ta’ aċċess, kull digriet ta’ manteniment, baqa’ kif kien. Spjega li kull ma nbidel kien il-mod ta’ kif wieħed jista’ jżomm kuntatt ma’ wliedu.

“Id-digriet inħareġ għal dawk il-każijiet fejn ġenitur jista’ jara lit-tfal b’superviżjoni”

Intant, il-kelliema għall-Ministeru għall-Familja spjegat li d-digriet inħareġ biss għal dawk il-każijiet li l-ġenituri ma jistgħux jaraw lil uliedhom jekk mhux bis-supervizjoni tal-professjonisti fi ħdan d-Direttorat Tfal. Spjegat li dawn il-każijiet ta’ superviżjoni iseħħu f’żewġ istanzi:

1. Meta tinħareġ care order u jittieħdu t-tfal minn mal-ġenituri bioloġiċi u allura l-kuntatt ikun biss fil-preżenza tal-professjonisti.

2. Meta l-qorti tordna li l-aċċess tat-tfal ma’ parti jew oħra jseħħ biss bis-supervizjoni tad-Direttorat Tfal minħabba allegazzjonijiet li jkun hemm. 

Il-kelliema spjegat li f’dawn il-każijiet biss jista’ jkun offrut l-aċċess b’superviżjoni u li għalihom tressqet talba sabiex jitwaqqfu b’mod fiżiku, issa qed isir l-aċċess b’mod elettroniku. 

Dwar jekk hemmx ħsieb li ladarba qed jiġu llaxkati xi miżuri, it-tfal jibdew jitħallew jiltaqgħu mal-ġenitur f’post sigur, il-kelliema fakkret li fejn jidħol l-aċċess fiżiku, wieħed jimxi pass pass fuq l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Qalet li sakemm l-awtoritajiet tas-saħħa qed jisħqu li tfal jistgħu iġorru l-virus tal-COVID-19, allura jridu jipproteġu wkoll l-postijiet fejn ikunu qed jinżammu dawn t-tfal. Dan għaliex jekk tifel wieħed jieħu l-virus jaf jgħaddi dan il-virus fid-dar residenzjali jew fil-familji fejn ikun qed jgħix.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn