130 xogħol artistiku jitneħħa mill-MUŻA minħabba l-moffa

Read in English.

Madwar 130 xogħol artistiku tneħħew mill-gallariji fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti (l-MUŻA) minħabba l-moffa li żviluppat fil-binja. Dan ix-xogħol tpoġġa’ f’post ieħor fl-istess mużew b’ħaddiema tal-Heritage Malta se jkunu qed jaħdmu fuqhom biex jirranġawhom.

Kelliema għal Heritage Malta qalet ma’ Newsbook.com.mt li din hi miżura temporanja li ttieħdet bħala prekwazzjoni biex l-arti ma jiġrilha l-ebda ħsara. Hi spjegat li din qed issir sakemm is-sistema tiġi stabilizzata skont il-bżonnijiet tal-binja. Il-binja tal-MUŻA għaddiet minn ħafna tibdil minħabba x-xogħlijiet li saru u għaldaqstant l-ambjent intern inbidel, skont il-kelliema tal-Heritage Malta.

Il-gallariji tal-MUŻA huma mgħammra b’sistemi ta’ arja kkundizzjonata apposta. Hemm ukoll sensors apposta li jiġbru l-informazzjoni dwar l-ambjent u l-klima fil-gallariji. Il-kelliema spjegat li permezz ta’ dan il-moniteraġġ li jsir b’mod kontinwu, indunaw li hemm problema.

Il-kelliema ta’ Heritage Malta sostniet li xogħol ma tneħħiex mill-MUŻA imma qed jinżamm f’maħżen f’parti oħra fl-istess Mużew. Sostniet li fil-każijiet fejn il-moffa tinsab fuq ix-xogħol artistiku, il-ħaddiema ta’ Heritage Malta se jkunu qed jaħdmu fuqhom.

Il-mużew ġie inawgurat f’Diċembru li għadda wara investiment ta’ €10 miljuni li ġew minn fondi nazzjonali kif ukoll fondi Ewropej.

Il-moffa hi thedida għall-mużewijiet u l-kollezzjonijiet tal-arti. Ġeneralment il-moffa toħroġ meta t-temperaturi jkunu għoljin, id-dawl ikun baxx, u ċ-ċirkolazzjoni tal-arja ma tkunx tajba.

Fuq il-paġna ta’ Facebook, il-MUŻA kien informa il-pubbliku li numru konsiderevoli tal-xogħol tal-arti tneħħa mill-galleriji tal-mużew bħala miżura ta’ prekwazzjoni. Il-mużew żied jgħid li għaldaqstant il-prezz għad-dħul fil-mużew kien imnaqqas.

Minkejja li meta kien tħabbar il-proġett fl-2011 l-mużew kellu jkun miftuħ matul is-sena li fiha l-Belt kienet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, l-inawgurazzjoni saret biss fit-tmiem is-sena l-oħra wara li din kienet kważi għaddiet. Dan ġara wara li x-xogħlijiet kienu waqgħu lura.

Il-Kuratur il-ġdid tal-MUŻA huwa Kenneth Cassar. Huwa laħaq b’mod uffiċjali fil-15 ta’ Lulju.