130 personaġġ bibbliku fit-toroq ta’ Ħad-Dingli

Meta wieħed jirrifletti fuq il-kelma “Nixfa”, minnufih jaħseb fuq l-effett u l-ħsara li jġib miegħu n-nuqqas ta’ wieħed mill-aktar sorsi importanti tan-natura – l-ilma, li jsostni il-ħolqien. Kien meta dineb il-bniedem, li nħakem minn għatx sħiħ għall-maħfra, u kien meħtieġ jiġi maqtugħ biss minn għotja Divina, dik tal-Iben t’Alla – Ġesù Kristu – li ġie fostna. Kif wasal għal dan hija ġrajja li nafu kemm nafu dwarha, wieħed forsi jaf jibqa’ mjassar taħt xi punt jew ħsieb, imma li ’l quddiem jiċċara u jissaħħah fil-fidi. Għaliex l-għira u l-ħeġġa biex jitwarrab u jinqatel? Għaliex din it-tbatija kollha? Għaliex fjamma ta’ qerq u ħsara, tieħu f’ħakka t’għajn u tħajjar wisq lill-bniedem? Hu – li kien l-ilma tal-ħajja, li kliemu kien il-ħelsien tal-imjassar, kif b’leħen fgat għajjat minn fuq is-salib ‘Għandi l-Għatx!’? Għajta li xehdet qalb maqsuma, imxenqa għall-imħabba, kif ukoll sejħa qawwija għar-ruħ tal-bniedem, li tibqa’ tidwi għal dejjem!

                                                      ‘……it-Tama jien għalik

                                                             u int għalija?

                                                             hija –

                                                             f’dan id-deżert

                                                             il-wens

                                                            għax għaraftni!’

Din il-Pageant se tkun akkumpanjata mill-gruppi tad-Dingli Scouts u 19th Dingli Girl Guides flimkien mall-Banda Santa Marija b`marċi funebri.  Fl-aħħar parti jibda d-dramm bl-isem `NIXFA` miktub mis-Sinjura Catherine Delmar, dwar l-aħħar mumenti mill-passjoni u l-qawmien ta` Sidna Ġesù Kristu, taħt id-direzzjoni tas-Sur Diego Attard.

Din il-parti animata ser tibda minn Triq il-Kbira (ħdejn il-Kunsill Lokali) bil-kundanna u l- flagellazjoni ta’ Ġesù, fejn tilħaq il-qofol tagħha f’Misraħ Ġużè Abela bit-tisliba, u tintemm bil-qawmien fuq iz-zuntier tal-Knisja Arcipretali.

F’din il-Pageant se jkunu qed jieħdu sehem ’il fuq minn 130 personaġġ bibbliku.

Din il-pagaent se tkun qed tittella’ fit-toroq ewlenin f’Ħad-Dingli is-Sibt 4 ta’ April fis-6pm.