“13% tal-Maltin ma jafux ifittxu dwar is-saħħa mentali”

13% tal-popolazzjoni Maltija ma tafx kif għandha tfittex informazzjoni dwar is-saħħa mentali. Dan qalu l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia. Hu kien qed jikkwota survej dwar il-litteriżmu tas-saħħa li sar f’Malta fl-2016.

Il-Kummissarju qal li l-edukazzjoni dwar is-saħħa mentali twassal sabiex il-pubbliku jkun jaf minn fejn jista’ jfittex l-għajnuna f’każ ta’ bżonn. 54% tal-popolazzjoni qalet li ssibha faċli biex tikseb informazzjoni bażika fuq saħħa mentali bħal stress u dipressjoni. 46% qalu li jsibuha diffiċli biex jaċċessaw informazzjoni relevanti.

Aqra: Il-Gvern bi ħsieb li jniedi ambulanza tas-saħħa mentali sal-2030

Dan ħareġ waqt l-ewwel konferenza nazzjonali dwar saħħa mentali aħjar. Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-President intqal li l-għan tal-konferenza kien li l-President George Vella jniedi l-kunċett ta’ saħħa mentali aħjar fis-soċjetà.

Dr Cachia kkwota wkoll figuri tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li jgħidu li 75% tal-mard mentali kroniku jiżviluppa qabel l-età ta’ 25 sena. Madwar 15% tal-adulti li għandhom aktar minn 60 sena jsofru minn diżordni mentali. Semma kif studji juru li persuni bi problemi ta’ saħħa mentali huma riżultat ta’ nuqqas ta’ impjieg jew f’riskju li jitilfu xogħolhom.

Aqra: Pressjoni u stress qed iwasslu għal problemi ta’ saħħa mentali – Il-President

Waqt il-konferenza, Connie Magro, infermiera speċjalizzata u attivista għas-saħħa mentali, saħqet li l-familji huma rigal imprezzabbli fis-soċjetà Qalet li l-familji għandhom ħafna x’joffru iżda jeħtieġu għajnuna biex jiskopru l-ħiliet tagħhom. Amanda Borg, li hija ekonomista speċjalizzata fil-qasam tal-investiment soċjali qalet li l-indiċi tal-kuntentizza juri li iktar ma jiżdied id-dħul tal-persuna, inqas hemm ċans li persuna tħossha kuntenta.

Aqra: 150,000 Malti jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali – Richmond Foundation

Il-President George Vella qal li s-soċjetà kollha trid taħdem biex ikun hawn saħħa mentali aħjar. Hemm bżonn għarfien bikri u interventi f’waqthom biex jiġi evitat li l-mard jiggrava u jsir aktar serju.