Eluf ta’ talbiet għal għajnuna f’każijiet b’annimali

Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali (Animal Welfare) jirċievi mal-5,000 talba fis-sena għal għajnuna f’każijiet differenti li fihom ikun hemm involuti annimali ta’ kull xorta, ngħidu aħna każijiet ta' krudeltà, abbandun jew maltrattament ta' annimali.
Dan ifisser medja ta' 13-il talba kuljum.
Minn dawn id-direttorat jispezzjona mal-1,000 każ u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri, xħin intervjena waqt l-attivitajiet li saru fl-Għammieri fil-jum iddedikat għall-ħarsien u l-benessri tal-annimali.
Wara mixja simbolika Camilleri wera apprezzament għax-xogħol siewi li jagħmlu l-għaqdiet mhux governattivi f’dan il-qasam u qal li permezz tal-imħabba u tad-determinazzjoni li juru l-voluntiera numru sostanzjali ta’ annimali qed isibu l-kenn u l-protezzjoni li jistħoqqilhom.
Id-Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali, Noel Montebello, qal li parti importanti tax-xogħol tad-Direttorat hi li jsibu kenn għad-diversi annimali li jkunu nġabru.
Id-Direttorat dwar il-Ħarsien tal-Annimali, matul il-ġurnata kollha, intensifika l-kampanja tiegħu madwar l-adozzjoni tal-klieb u tal-qtates u ngħatat l-opportunità biex dawk kollha li jattendu għal din l-attività jadottaw kelb jew qattus.
Wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-lum mill-paġna tal-Facebook.
Ritratt: Arkivji u MESDC_PS