“13-il sena ilu ħallejtna pa” – ulied Dumink tat-Tramps

Bħal lum 13-il sena ilu miet il-kantant tal-band Għawdxija magħrufa bħala The Tramps, Dominic Grech.

Ibnu, Richard li huwa mużiċist ukoll, qal fuq Facebook li dejjem jiftakar lil missieru bilqiegħda fuq xi banketta bil-kitarra fuq ħoġru u jkanta. Richard qal li jinsab ċert li missieru għadu jdoqq u jkanta kuljum u li hu u familtu se jibqgħu iħossu n-nuqqas tiegħu.

Waħda mill-akbar suċċessi tal-grupp The Tramps u Dumink, kif jirreferu għalih bosta, tibqa’ l-kanzunetta Xemx, li kważi saret simbolu nazzjonali. The Tramps jitqies bħala wieħed mill-aktar gruppi popolari tal-mużika pop li kellu Għawdex. Lura fit-tmeninijiet, il-Grupp rebaħ il-Festival Kanzunetta Maltija bil-kanzunetta Sinjur, ġib il-Paċi.

Għalkemm magħrufin ferm għad-diski tagħhom Xemx u Inti Djamant, il-grupp The Tramps u Dominic Grech kellhom repertorju ġmielu ta’ diski li bihom ferrħu udjenzi matul is-snin sebgħin u tmenin. Fost dawn id-diski oriġinali, hemm sensiela ta’ kompożizzjonijiet għal żmien il-Milied.

13 years since you left us. This is exactly how we remember you, I'm sure you're still singing and playing (no rehearsals required) 🙂 We miss you every single day. x

Posted by Richard Grech on Thursday, August 23, 2018