​13-il Russu akkużati b’interferenza fl-elezzjoni tal-Istati Uniti

Wara ħidma mill-FBI 13-il persuna mir-Russja qed jiġu akkużati b’interferenza fl-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti fl-2016.
Skont il-midja internazzjonali, minn dawk it-13, tlieta minnhom qed jiġu akkużati wkoll b’attentat ta’ frodi u ħamsa minnhom qed jiġu akkużati b’serq tal-identità.
Issemmew ukoll tliet kumpaniji Russi.
Dawn l-akkużi saru mill-kap tal-investigazzjoni Robert Mueller.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Avukat Ġenerali Rod Rosenstein qal li s’issa ma kienx hemm allegazzjonijiet dwar Amerikani li kienu parteċipi b’mod volontarju f’din l-attività illegali. Qal ukoll li mhux qed jiġi allegat li l-indħil fl-elezzjoni biddel ir-riżultat tagħha.
F’reazzjoni għal dawn l-aħbarijiet, il-President Donald Trump qal fuq Twitter li l-kampanja tiegħu ma kienet għamlet xejn ħażin. Hu dejjem ċaħad allegazzjonijiet dwar rabta bejn il-kampanja tiegħu u r-Russja.