13-il persuna mejta; jaqa’ ħelikopter fil-Messiku

Madwar 13-il persuna, inklużi tliet itfal inqatlu, filwat li hemm 15 oħra li ndarbu, wara li ħelikopter militari ġġarraf viċin is-sit fejn ilbieraħ seħħ terremot fil-Messiku.
Għadu mhux magħruf kemm kien hemm nies abbord il-ħelikopter li mietu, u kemm minnhom mietu fuq l-art.
Fuq il-ħelikopter kien hemm is-Segretarju għall-Intern tal-Messiku flimkien mal-Governant tal-istat li kienu qed jaraw mill-ajru d-dannu li ħalla t-terremot ta’ forza 7.2, li seħħ ilbieraħ. It-tnejn li huma sofrew ġrieħi ħfief.
L-inċident seħħ wara li l-ħelikopter ġġarraf fuq żewġ vannijiet f’għalqa meta kien qed jipprova jinżel l-art f’Santiago Jamiltepec. 
It-terremot tal-bieraħ ħalla mal-miljun dar u negozji mingħajr dawl madwar il-belt tal-Messiku u fin-nofsinhar filwaqt li għamel ħsarat lil madwar 50 dar f’Oaxaca. Minkejja dan, ħadd ma miet kawża tat-terremot innifsu.
L-istat għadu qed jipprova jirkupra mill-ħsarat li seħħew mit-terremoti ta’ Settembru li għadda li ħallew minn tal-inqas 471 persuna mejta.