13-il pajjiż jikkonfermaw is-sehem tagħhom għall-Eurovision 2020

Ritratt: Andres Putting

Hekk kif illejla tasal is-serata tant mistennija tal-Eurovision Song Contest fejn se nkunu qed nistennew u naraw f’liema pożizzjoni Malta, permezz ta’ Michela Pace, se tikkwalifika bil-kanzunetta Chameleon, bosta huma l-pajjiżi li diġa qed jaħsbulu għall-edizzjoni li se ssir is-sena d-dieħla.

Ovvjament qabel issir is-serata tal-lejla, mhux se nkunu nafu f’liema pajjiż se jittella’ l-Eurovision li jmiss, li se tkun il-65 edizzjoni tiegħu.

Dan għaliex kif tafu, il-Eurovision jittella’ fil-pajjiż li jirbaħ l-edizzjoni tal-lejla, għajr jekk tirbaħ l-Awstralja, li f’dak il-każ tagħżel hi liema pajjiż għandu jospita l-edizzjoni li jmiss.

Iżda waqt li ħafna qed iħejju biex illjela jxejru l-bandiera ta’ pajjiżhom, il-European Broadcasting Union (EBU) sa’ issa kellha l-konferma ta’ 13-il pajjiż li se jkunu qed jirritornaw fil-kompetizzjoni s-sena d-dieħla.

Dawn huma l-Awstralja, l-Awstrija, il-Belarussja, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Fillandja, in-Norveġja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-iŻvizzera, il-Ġermanja u Spanja.

Aktar ma’ jgħaddi żmien aktar pajjiżi jibqgħu jikkonfermaw is-sehem tagħhom, u mhux eskluża l-possibbilita’ li naraw xi pajjiżi ġodda, fosthom il-Kosovo, li diġa’ bdew taħdidiet mal-EBU biex jissieħbu bħala membri sħaħ magħhom, u biex jiddebuttaw fil-Eurovision tal-2020, jew xi edizzjoni oħra ta’ wara.