13-il mara fost il-35 surġent li nħatru

Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Il-Ħamis 26 ta’ Novembru 35 kuntistabbli ġew promossi fil-kariga ta’ surġent f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana.  Fost dawk li ġew promossi f’din il-kariga kien hemm 13-il mara.

Din iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministu għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà.  Fil-messaġġ tiegħu lis-surġenti ġodda, il-Ministru Byron Camilleri ħeġġeġ lill-uffiċjali biex ikunu ta’ eżempju għal kollegi l-oħra u joħorġu għal ġurnata tax-xogħol bil-għan li jagħtu kontribut akbar lill-pajjiż. “Tistriħux għax issa sirtu surġenti. Araw dan bħala l-ewwel pass biex tkabbru l-karriera tagħkom fil-Korp tal-Pulizija,” sostna l-Ministru Camilleri. Camilleri spjega kif il-poplu Malti jħares lejn il-Korp tal-Pulizija bħala l-għodda ewlenija għas-sigurtà tiegħu, żied li l-Gvern jinsab impejnat biex isaħħaħ ir-riżorsi tal-korp.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li biex il-pubbliku jafda iktar lill-pulizija, is-surġenti l-ġodda għandhom irwol importanti fejn tidħol il-kontabbilità u sostna li l-Korp tal-Pulizija m’għadux korp immexxi mill-Kummissarju waħdu. Żied li l-pubbliku qiegħed juri fiduċja fejn hemm pulizija fil-komunità u għalhekk il-pulizija għandhom irwol importanti ħafna.  Gafà fakkar lis-surġenti l-ġodda bl-istrateġija ta’ trasformazzjoni li ppubblika l-Korp ftit tal-ġimgħat ilu, fejn mhux biss kulħadd jaf li jeżistu, iżda l-pulizija iridu jassiguraw li l-pajjiż ikun sigur.