​13-il Malti evakwat mil-Libja llum

13-il Malti, inkluż ħaddiema tal-lukanda Corinthia fi Tripli, ġew evakwati mil-Libja llum.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-Parlament illejla, qal li l-Gvern Malti jibqa’ jagħti l-parir kontra vvjaġġar lejn il-Libja u qiegħed  jagħmel dak kollu possibbli biex Maltin li jridu jirritornaw fil-pajjiż, jiġu evakwati.
Saħaq li dawk li baqgħu fil-pajjiż, inkluż 11-il Malti ieħor li jaħdem mal-Grupp Corinthia, għamlu hekk għax riedu huma minkejja li l-Gvern ħeġġiġhom biex jirritornaw f’Malta.
Waqt li tenna li l-attakk li seħħ ilbieraħ jidher li ma kienx attakk fuq Malta jew fuq interessi Maltin, qal li l-Pulizija, l-Armata u s-servizz tas-sigurtà f’Malta qed jużaw ir-riżorsi kollha tagħhom biex Malta tibqa’ tgħix fis-sigurtà.
Semma’ li l-iktar tliet verżjonijiet li qed jissemmew għaliex seħħ l-attakk terroristiku huma: id-destabilizzazzjoni ulterjuri tal-Libja biex jiġu sfrattati t-taħdidiet ta’ paċi bejn il-fazzjonijiet differenti Libjani f’Ġinevra; li jinqatel il-Prim Ministru Libjan mhux rikonoxxut mill-komunità internazzjonali; u li l-Al Qaeda riedet tattakka kumpanija partikolari tas-sigurtà li kellha uffiċċju fil-lukanda.
Il-Prim Ministru rrefera għal-laqgħat fi Brussell ilbieraħ bejnu u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, dwar il-Libja. Qal li s-suġġett kien se jiġi diskuss fuq insistenza ta’ Malta u l-attakk tal-bieraħ ta prijorità ikbar lis-suġġett.
Spjega li wassal bil-qawwa kollha l-messaġġ li l-UE għandha obbligu li tagħti importanza sħiħa lejn dak li qed jiġri biss ftit passi ’l bogħod minnha u li jekk il-Libja titlob, il-komunità internazzjonali għandha tkun lesta li tgħin direttament fil-pajjiż biex jitwaqqfu l-istituzzjonijiet u l-istabilità meħtieġa.
Insista li l-Ewropa trid turi li qed tifhem u lesta taġixxi, b’mod partikolari mal-Libja, u li dan il-pajjiż ifisser ukoll konsegwenzi f’ħafna oqsma fosthom l-immigrazzjoni, it-terroriżmu u l-enerġija. Saħaq li Malta għandha tieħu l-prekawzjonijiet kollha possibbli, imma trid tibqa’ post ta’ djalogu u pont ta’ paċi fil-Mediterran.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tenna li l-Oppożizzjoni tikkundanna bla ebda riservi l-attakk li seħħ fi Tripli waqt li esprima solidarjetà mal-qraba tal-vittmi. Spjega li l-Oppożizzjoni tappoġġja lill-Gvern fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu waqt li qal li l-Prim Ministru qed iżomm lill-Oppożizzjoni infurmata l-ħin kollu bl-aħħar żviluppi dwar il-Libja. Fl-istess ħin, ħeġġeġ lill-Gvern biex jirdoppja l-isforzi tiegħu biex is-suġġett tal-Libja jitla’ iktar ’il fuq fuq l-aġenda Ewropea. Fl-istess ħin, esprima t-tama li kemm jista’ jkun malajr, il-Libja ssib il-paċi u terġa’ tiġi fuq saqajha.