13-il kumpanija JA-YE Malta fil-Fiera Nazzjonali nhar is-Sibt

Erba’ timijiet urew prodotti li kienu jinkludu magażin tal-istudenti, kaxxa tal-lunch li tista’ tiġi riċiklata, bordijiet li jitwaħħlu biex tikteb fuqhom u tazzi kbar tal-kafè.
Żewġ timijiet għandhom kemm prodott u app li jikkumplimentaw lil xulxin: flixkun tal-ilma li għandu kompartament għall-frott flimkien ma’ app biex iżżomm kont ta’ kemm tixrob; u app li jagħtik rimedji naturali Maltin għall-mard ta’ kuljum, u miegħu pakkett żgħir b’mediċini naturali għal dan il-mard komuni.
Ħames timijiet oħra ffukaw fuq l-iżvilupp ta’ apps li joffru informazzjoni fuq ħwienet f’Tas-Sliema, għajnuna biex tippjana kif tqassam flusek, iqabbel il-prezzijiet tat-taxis, vawċers tar-ristoranti permezz tal-media soċjali, u app edukattiv iffukat fuq l-ambjent.
Iż-żewġ timijiet l-oħra għamlu magna li tqatta’ l-plastik u logħba li ssaqsi mistoqsijiet fuq l-ambjent biex tavvanza.

Żar il-fiera l-Ministru Evarist Bartolo, li ħa l-ħin biex żar kull stand u sema’ dak kollu li kellhom x’jgħidulu l-istudenti.
Il-Fondazzjoni JA-YE Malta, magħrufa qabel bħala Young Enterprise, ġiet imwaqqfa fl-1988.
L-HSBC Malta Foundation ilha l-isponsor ewlenija tagħha għal numru ta’ snin biex tagħti ż-żgħażagħ l-opportunità biex jifhmu xi tfisser tmexxi n-negozju tiegħek.
L-iskejjel li huma rappreżentati din is-sena huma De La Salle, Giovanni Curmi Higher Secondary, Junior College, MCAST IBAC, San Alwiġi, St Edward’s, St Martin’s u Verdala International School.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt