13-il immigrant fiċ-ċentri tad-detenzjoni, 815 oħra f’ċentri miftuħa

Fiċ-ċentri miftuħa mmexxija mill-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Immigranti (AWAS) hemm 815-il resident filwaqt li fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni hemm 13-il persuna, tlieta minnhom nisa.
It-tagħrif ingħata mill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia għall-mistoqsija Parlamentari tat-tabib Etienne Grech.
Skont is-sit elettroniku tal-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Immigranti, fiċ-ċentri miftuħa operati mill-Gvern jew inkella minn terzi bl-għajnuna finanzjarja pubblika hemm madwar 2,200 sodda.
Waħda mill-wegħdiet elettorali tal-Gvern hi li jagħlaq iċ-ċentru miftuħ tal-Marsa u l-immigranti jiġu rilokati.
L-ewwel deċiżjoni kienet li l-immigranti jkunu rilokati f’Birżebbuġa iżda din ma ntlaqgħetx tajjeb mir-residenti tal-lokali fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Għaldaqstant il-Gvern kien qal li waqqaf temporanjament il-proċess tal-għeluq taċ-ċentru miftuħ tal-Marsa, sakemm tinstab soluzzjoni biex il-piż tal-immigranti ma jaqax biss fuq il-komunità ta’ Birżebbuġa.