13-il immigrant bi protest ġudizzjarju kontra l-PM

Read in English.

Tlettax-il immigrant fetħu protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru Robert Abela wara li minflok ma ddaħlu Malta meta kienu qed jippruvaw ifittxu l-ażil intbagħtu l-Libja fejn sofrew minn swat u nuqqas ta’ ikel.

Il-protest ġudizzjarju nfetaħ kontra Robert Abela, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, il-Brigadier tal-Forzi Armati (AFM) Jeffrey Curmi, u l-Avukat Ġenerali Peter Grech.

Il-protest qed isir minn Yonas Rezene Gebremicel, Merhawi Germay Asgedom, Mogos Yohannes Mered, Haji Nesredin, Teklu Seum, Aliksander Germay Yemane, Takhlit Shesai Garamadin, Tsega Efrem Kebrom, Rahwa Hakous Youhans, Diana Mahari Areyya, Salam Mahari Tawledai, Sadal Hishi Kidano, u Filimon Geretzgher Reda. Kollha għandhom nazzjonalità Eritreana u bħalissa qegħdin Tripli.

Salam Mahari Tawledai kellha magħha wild ta’ sentejn u nofs magħha – Rai.

Il-protest ġudizzjarju jgħid li dawn il-persuni huma wħud mill-immigranti li bejn il-11 u s-16 ta’ April kienu vittmi ta’ pushback illegali lejn il-Libja waqt ħidma ta’ salvataġġ. Dgħajsa tas-sajd b’bandiera Libjana kkordinata mill-awtoritajiet Maltin kienet involuta. Din id-dgħajsa telqet minn Malta.

Il-protest jgħid li din id-dgħajsa ħadet l-immigranti lejn il-Libja meta din kellha teħodhom port sigur. Il-Libja mhix meqjusa bħala port sigur.

Intqal li waqt il-pushback l-immigranti kienu fi stat ħażin ta’ saħħa fiżika u mentali. Għadd minnhom mietu fuq il-baħar. Uffiċċjal tal-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) ikkonferma l-istat ħażin tagħhom.

Il-protestanti “soffrew trattament inumani u degradanti wara li dawn ġew meħuda lura lejn il-Libya fuq ordni tal-Protestati, liema aġir wassal għall-inkarċerazzjoni tal-istess Proteatanti f’ċentru ta’ detenzjoni, soġġetti għal swat, nuqqas ta’ ikel, nuqqas ta’ liberta’ kif ukoll misruqa minn effetti personali tagħhom inkluż kits mogħtija lilhom mil-UNHCR mall-wasla tagħhom fil-Libya,” jgħid il-protest. Iżid jgħid li kellhom raġunijiet validi li jrressqu talba għal ażil, liema dirttijiet tagħhom ġew ukoll imċaħħda bl-azzjonijiet tal-awtoritajiet Maltin.

Il-protest jallega ksur ta’ Ariklu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem u Artikli 18 u 19 tal-Karta tad-Drittijeit tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea.

L-immigranti qed jitolbu għal rimedju effettiv għall-vjolazzjonijiet li saru kontrihom.

Il-protest ġie ffirmat mill-avukati Paul Borg Olivier u Evelyn Borg Costanzi.

Uffiċjali Maltin qegħdin f’riskju li jaffaċċjaw akkużi mill-Qrati Taljani wara li membri tal-Forzi Armati ta’ Malta rrifjutaw li jsalvaw immigranti f’ibħra Maltin.

Investigazzjoni konġunta bejn is-sit tal-midja Kattolika Taljana L’AVVENIRE u l-ġurnal Ingliż The Guardian qed tallega li l-Forzi Armati ta’ Malta l-ewwel heddet lill-immigranti abbord dgħajsa fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija li kienet se toħodhom lura l-Libja, imbagħad għadditilhom il-petrol u magna biex imorru l-Italja.