13-il għassa bi kmamar għall-vittmi ta’ vjolenza domestika

F’diversi għases madwar Malta u Għawdex hawn kmamar apposta li jintużaw għal-każijiet ta’ vjolenza domestika.

Dawn il-kmamar jinsabu fl-għases prinċipali madwar Malta u Għawdex. L-għases prinċipali huma il-Belt Valletta, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, il-Ħamrun, Raħal Ġdid, iż-Żejtun, iż-Żurrieq, Tas-Sliema, Birkirkara, il-Mosta, in-Naxxar, il-Qawra u r-Rabat Għawdex. Dawn il-kmamar jintużaw biex persuni li huma vittmi jew xhieda ta’ każijiet relatati mal-vjolenza domestika jkunu jistgħu jitkellmu fil-privat.

Matul l-2018 kien hawn 1,341 rapport ta’ vjolenza domestika li ġew rrappurtati lill-pulizija. Fl-2010, l-ammont ta’ rapporti lill-pulizija fuq vjolenza domestika kien ta’ 700 u dan juri li kien hemm qabża sostanzjali.

Ara: L-2018 bl-ogħla numru ta’ rapporti dwar vjolenza domestika

Fl-2017, l-Unjoni Ewropea ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul li titkellem dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Punt partikolari f’din il-liġi jgħid li għandu jkun hemm kmamar appposta msejħa soft areas sabiex vittmi u xhieda jkunu jistgħu jitkellmu fil-privat.

Dan sar magħruf wara li l-Membru Parlamentari Claudette Buttigieg staqsiet lill-Ministru Michael Farrugia biex jgħid liema għases f’Malta u Għawdex għandhom dawn il-kmamar.

Ara: Il-maġġoranza tal-kawżi ta’ vjolenza domestika jitwaqqgħu – Bonnici