13,000 familja se jgawdu minn suppliment għat-tfal

Il-Ministru għas-Sigurtà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li total ta’ 13,000 familja u 23,000 tifel u tifla se jgawdu minn suppliment għat-tfal li se jingħata biex jitnaqqas il-faqar fost il-familji.
Ġenituri li għandhom id-dħul tagħhom inqas minn €11,000 fis-sena se jirċievu wkoll għajnuna supplimentari għat-tfal, fejn l-ewwel tliet ulied se jirċievu €400 kull wieħed kull sena, waqt li għal kull wild ieħor joħroġ ħlas ta’ €200 fis-sena.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-Gvern mhux se jkompli jaċċetta każi ta’ habitual absenteeism, fejn studenti jitilfu xhur sħaħ ta’ skola.
Għamel enfażi fuq l-importanza tar-responsabbiltà kollettiva tal-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom l-iskola.
F’każ ta’ studenti li ma jattendux 55% tal-lezzjonijiet, dawn mhux se jieħdu dan il-benefiċċju.
Fil-fatt, il-benefiċċju mhux se jingħata fil-bidu tas-sena skolastika iżda wara biex jingħata biss lil dawk l-istudenti li attendew.
Il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali se jitlob lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jidentifika l-istudenti li ma jkunux laħqux il-mira u jidentifikaw x’inhi l-problema.
Dan għandu jwassal biex jiġi stabbilit għalfejn l-istudent mhux qed jattendi u kif din il-problema tista’ tissolva.